Lokali

Iqumu dubji dwar “interventi” li saru fiz-zona fejn inqatel Jean Paul Sofia

Is-sit tal-kostruzzjoni f’Kordin fejn inqatel Jean Paul Sofia ma baqgħetx preservata kif kienet, b’dan iċ-ċaqlieq joħloq dubji kbar fuq l-evidenza, hekk kif għadha għaddejja l-inkjesta maġisterjali b’rabta ma’ din il-mewta.

F’filmati u ritratti li ġibed Net News rajna xhieda ta’ interventi f’dan is-sit, b’bosta jsaqsu jekk dan setgħax isir jew le.

Jean Paul Sofia tilef ħajtu traġikament fit-3 ta’ Diċembru li għadda, b’omm il-vittma, Isabelle Bonnici, flimkien mal-qraba ta’ Jean Paul, trid li sseħħ ġustizzja biex tkun taf verament x’wassal għat-telfa ta’ binha.

Omm iż-żagħżugħ tenniet numru ta’ drabi li permezz ta’ inkjesta pubblika, isiru wkoll rakkomandazzjonijiet biex jiġu emendati jew introdotti liġijiet ġodda sabiex ħadd ma jgħaddi minn dak li għaddejja minnu bħalissa hi u li għadda Jean Paul Sofia meta nqatel mat-tiġrif ta’ binja li kienet għadha qed tinbena.

It-Tnejn filgħaxija, omm Jean Paul Sofia marret quddiem il-Parlament fejn hi stess tkellmet direttament ma’ diversi Deputati, kif ukoll mal-PM u mal-Kap tal-PN Bernard Grech u talbithom mill-ġdid biex issir inkjesta pubblika biex fuq kollox issir ġustizzja u jkunu evitati aktar diżgrazzji bħal dawn fil-futur.

Ritratti meħuda minn Matthew Tabone