Investigazzjoni mill-mezzi tal-media fil-pajjiżi Skandinavi sabet li r-Russja qed tmexxi programm intiż għas-sabutaġġ tal-wind farms u l-cables tal-komunikazzjonijiet fin-North Sea.
Jidher li l-missjoni qed tingħata importanza kbira mill-Kremlin — bis-servizzi sigrieti fid-Danimarka jgħidu li Moska qed tħejji l-pjani ta’ sabutaġġ għal sitwazzjoni ta’ konflitt potenzjali mal-Punent.
Ix-xandara fid-Danimarka, in-Norveġja, l-Iżvezja u l-Finlandja allegaw li r-Russja qed tibbaża l-programm tas-sabutaġġ fuq flotta ta’ vapuri mogħtija d-dehra ta’ trawlers u bastimenti għal riċerka u li fil-fatt qegħdin jimmarkaw is-siti fiz-zoni ta’ baħar speċifiċi għal sabutaġġ.
Il-vapuri tar-Russi għandhom tagħmir ta’ sorveljanza għal taħt il-baħar, bl-uffiċjali Britanniċi jinsabu konxji’ bil-movimenti tal-vapuri tar-Russja madwar l-ibħra tar-Renju Unit bħala parti mill-programm ta’Moska.
Intant, l-istazzjonijiet DR, NRK, SVT u Yle se jibdew ixandru sensiela ta’ rapporti dwar l-aġir tar-Russi. Dan meta li l-Kap tas-servizzi sigrieti Norveġiżi żvela li Moska qed tikkontrolla direttament il-programm għal sorveljanza u sabutaġġ potenzjali li tqisu bħala ferm importanti fiċ-ċirkustanzi tallum.
Ix-xandara Skandinavi, intant, analizzaw il-komunikati tar-Russi li kienu interċettati fl-aħħar jiem u li indikaw il-preżenza ta’ hekk-imsejħa ‘ghost ships’ — jew vapuri finta — fl-ibħra Nordiċi.
Il-vapuri inkwistjoni jidhru li tfew it-transmitters biex ma jiżvelawx il-lokalitajiet tagħhom, bis-sorsi Skandinavi jirreferu għal bastiment Russu partikulari li suppost qed jintuża għar-riċerka tal-oċeani bħala wieħed mill-istrument ta’ spjunaġġ mill-Kremlin.
Fl-investigazzjoni ħa sehem ukoll espert li kellu karriera twila mar-Royal Navy Britanniku u li għen lill-media Skandinava biex tissorvelja l-movimenti tal-Admiral Vladimirsky – il-bastiment Russu inkwistjoni – waqt li dan kien qed ibaħħar qrib il-wind farms ‘il hinn mill-kosta tar-Renju Unit u ftit ‘il barra mill-Olanda.
//= $special ?>