“Is-settur tal-manifattura huwa pilastru importanti f’pajjiżna għaliex huwa settur varjat ħafna li jkompli jadatta għal bżonnijiet tas-suq lokali kif ukoll dak internazzjonali.”
Dan sostnieh il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt żjara fil-fabbrika tal-kumpanija ‘Shaker’ – kumpanija tal-manifattura li taħdem qatigħ sabiex tagħti l-prodott mixtieq lill-klijenti tagħha.
Waqt iż-żjara tiegħu Bernard Grech tkellem mal-ħaddiema preżenti illi esprimew is-sodisfazzjon li jħossu meta jaraw ix-xogħol li tant jaħdmu fuqu jkun lest b’suċċess.


Id-diretturi ta’ din il-kumpanija spjegaw illi għalkemm jaħdmu għal sigħat twal iħossuhom ferm sodisfatti bir-riżultati. Luana Falzon saħqet li mingħajr il-ħaddiema li huma ferm iddedikati f’xogħolhom dawn ir-riżultati ma jkunux possibli.
Barra minn hekk, hija qalet li l-ħolma tagħhom hi li jkomplu jkabbru dan in-negozju f’Malta kif ukoll barra minn xtutna.
Waqt din iż-żjara, il-Kap tal-PN kien akkumpanjat mid-deputati Ivan Castillo u Robert Cutajar, u l-President tal-Forum tal-SMEs tal-PN Julian Galea.
