Numru kbir ta’ residenti qegħdin jaħarbu mill-belt kapitali ta’ Khartoum fejn kompla l-ġlied għall-ħames jum bejn l-Armata u grupp rivali ta’ milizzji paramilitari. L-ammont ta’ nies maqtula fil-battalji jista’ jammonta għall-mijiet, fost il-battalji kontinwi viċin il-bini amministrattivi u l-kwartieri-ġenerali tal-Armata fil-kapitali.
Iċ-ċivili f’Khartoum jinsabu dejjem aktar iddisprati u meta fl-aħħar sigħat kien hemm numru sinifikanti ta’ splużjonijiet minbarra sparar kontinwu fiz-zoni ċentrali.
Dan waqt li l-milizzji tal-grupp RSF ( Rapid Support Forces) kienu qed iduru fit-toroq bit-trakkijiet u l-vetturi armati — u bl-ajruplani tal-gwerra tal-Armata jisparawlhom il-missili minn ħin għal ħin. Intant, is-sorsi infurmati fiz-zona tal-ġlied irreferew għall-ammonti allarmanti ta’ katavri fit-toroq viċin il-Ministeru tad-Difiża u l-ajruport ta’ Khartoum.
Il-milizzji tal-RSF iridu jeliminaw lill-Ġeneral Abdel Fattah al-Burhan, li ilu jmexxi lis-Sudan miż-żmenijiet tal-kolp ta’ stat, lejn l-aħħar tal-2021. Intant, mistenni li l-battalji għandhom ikomplu għaddejjin għat-tul taż-żmien.
Fl-aħħar sigħat, l-ambaxxati barranin u n-Nazzjonijiet Uniti kienu qed jaħsbu biex huma wkoll jevakwaw lill-istaff minn Khartoum – bis-sitwazzjoni ssir jerġa’ aktar allarmanti fost rapporti li l-ġellieda Sudaniżi kienu qed jieħdu kontroll tal-kumplessi użati mill-aġenziji tal-għajnuna.
Filwaqt li l-kriżi kienet qed taqleb għall-agħar, il-Mexxejja tal-Kenja, id-Djibouti u s-Sudan t’Isfel ipposponew il-pjani biex jibgħatu lid-diplomati tagħhom fis-Sudan bil-għan li jservu bħala medjaturi bejn il-kapijiet tal-entitajiet armati rivali li ma dehrux disposti għal kwalunkwe forma ta’ avviċinament.
//= $special ?>