Sewwieq ta’ mutur li twaqqaf mill-Pulizija tat-traffiku talli ma kellux elmu, spiċċa f’inkwiet akbar wara li rriżulta li l-mutur kien misruq u li kien qed isuq taħt l-influwenza tax-xorb. Dorde Crnjakovic, Kroat ta’ 30 sena residenti l-Imsida u impjegat bħala xufier tat-taxi, ġie arrestat it-Tlieta filgħaxija wara li ntlemaħ mill-uffiċjali isuq l-Imsida mingħajr ‘crash helmet’.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija wrew li hu ma kienx sid il-mutur u test tal-breathalyzer ta riżultati pożittivi ferm ogħla mil-limitu legali, spjega l-Ispettur Shamus Woods meta s-sewwieq tal-mutur tressaq il-Qorti. Crnjakovic ġie mixli li seraq il-mutur għad-detriment tal-kumpanija Waste Resource Limited, li kkawża ħsara volontarja fuq proprjetà ta’ terzi, li naqas li jobdi ordnijiet leġittimi tal-Pulizija kif ukoll li saq wara li kkunsma alkoħol lil hinn mil-limiti preskritti.
Huwa ġie mixli wkoll li ma kienx liebes ‘crash helmet’ u li saq mingħajr liċenzja tas-sewqan. Crnjakovic ammetta l-akkużi miġjubin kontrih. Il-Qorti ġiet infurmata li l-muturi kienet ingħata lura lil sidu. Il-Prosekuzzjoni ma insistietx fuq terminu effettiv ta’ priġunerija peress li l-akkużat kien ikkopera, iżda argumentat li l-piena kellha tkun waħda fil-massimu tagħha.
Id-difiża qaler li l-akkużat għandu kondotta nadifa u aktar milli tikkundannah għal penali qawwija, ikun aħjar li tħallih jerġa’ lura għax-xogħol. Il-Maġistrat Gabriella Vella, iddifferiet il-kawża għat-Tnejn li ġej għas-sentenza. Talba għal libertà proviżorja sakemm tingħata s-sentenza ġiet miċħuda fid-dawl ta’ dubji serji dwar l-indirizz tal-akkużat li kien ifisser li l-Qorti ma kellhiex il-garanziji meħtieġa biex tilqa’ t-talba.
//= $special ?>

