Knisja Lokali

L-Ark tal-Floriana għandu jitlesta sal-2024; talba għal aktar għajnuna

Hemm tama li sas-sena d-dieħla l-ark trijonfali tal-Festa ta’ San Publju jerġa’ jintrama mill-ġdid. Dan kekk kif żewġ terzi tax-xogħol fuq l-ark trijonfali diġa’ ġie konkluż.

Waqt il-programm Ġimgħa b’Ġimgħa fuq Net Television, Mark Ciantar li hu inkarigat mill-armar tal-festa esterna ta’ San Publju, stqarr illi hemm xewqa li dan il-proġett ikun lest fl-2024.

Madankollu biex dan isir il-poplu Furjaniż qiegħed jitlob biex jinġabru aktar flus hekk kif il-materjal għal dan l-ark għola minn €100,000 għal €140,000.

L-ark trijonfali tal-festa ta’ San Publju, li għandu 120 sena ta’ storja, ġie meqrud fl-2019 wara li ngħata n-nar.

Issa l-aħwa Ġilju u Charles Sacco; iż-żewġ mastrudaxxi li b’responsabbiltà ġew fdati bix-xoghol fuq l-Ark Trijonfali l-ġdid tal-Floriana qed jaħdmu fuq disinn tal-ark oriġinali ta’ Giorgio Cassar li kien intrama fil-Floriana għall-ewwel darba fil-festa ta’ San Publju tal-1899.

Fl-intervista fuq Net TV Mark Ciantar tenna li l-ark ma kienx biss telfa għall-Furjaniżi iżda għall-poplu Malti u Għawdxi kollu u appella għall-għajnuna finanzjarja hekk kif wieħed jista’ jżur il-Knisja Arċipretali u jagħti donazzjoni jew jidħol fuq is-sit zaar.com.mt.