Lokali Parlament

L-art agrikola għandha tintuża biss għall-agrikoltura

Toni Bezzina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal fil-parlament li l-art agrikola għandha tintuża biss għall-agrikoltura u mhux għal skopijiet oħra.

Toni Bezzina tkellem dwar ir-riforma li l-gvern nieda għas-settur agrikolu u qal li minkejja l-proposti li għamlet l-Oppożizzjoni, il-gvern għadu ma ħax l-azzjnijiet dwarha.

M’hemm l-ebda riferenza għal dawk li jrabbu n-naħal li qed tiffaċċja tnaqqis drastiku fil-popolazzjoni tan-naħal fil-pajjiż. Hu qal li jekk jispiċċaw in-naħal mill-pajjiż kun spiċċat id-dokra, 80% tal-prodotti agrikoli jkunu estinti mill-pajjiż. Għalhekk jeħtieġ li n-naħal ikun protett waqt li jrabbuhom jingħataw l-għajnuna neċessarja.

Toni bezzina kompla li fil-liġi tal-qbiela, raba li fih jinżamm il-kaxxi tan-naħal ma kienx kunsidrat raba’ agrikolu. Dan ir-raba’ għandu jkun ikkunsidrat bħala raba’ argikolu.

Hu ppropona awtorità responsabbli mill-art agrikola privata biex din ir-raba tibqa’ tinħadem għall-agrikoltura, jingħataw inċentivi lill-bdiewa li jkunu qed jaħdmu r-raba’.

Skop ieħor kien li raba’ offrut għall-bejgħ jinxtara mill-Awtorità u jingħadda lill-bdiewa ġenwini li ma jkunux jistgħu jixtru l-art. L-Awtorità għandha taqdi l-istess funzjoni f’art li hi tal-gvern u ma tiffokax biss fuq art tal-privat.

Toni Bezzina tkellem dwar l-importanza li jkun sostnut il-prodott agrikolu lokali u tkellem fuq l-importanza li jkun hemm kontinwità fl-Awtorità beix l-interessi kollha jkunu salvagwardjati.

Id-deputat Nazzjonalista qal li hu tajjeb li se jkun hawn katast tar-raba’ agrikola fil-pajjiż kollu iżda dan għandu jinkludi art li hi propjetà tal-Gvern. L-art problema ta’ bdiewa żgħażagħ hi li ma jisbux art biex jaħdmuha u għalhekk dan il-katast jista jidentifika art agrikola li tista tingħata liż-żgħaagħ biex jaħdmuha u biex dan is-settur ma jmutx.

Dwar id-distinzjoni fl-istatuts tal-bidwi biex l-agrikoltura tkun salvagwardjata, Toni Bezzina qal li l-istatuts u l-klassifikazzjoni tal-bdiewa għandha tkun imwettqa bejn dwar professjonali u dawk li jieħdu l-biedja bħala passatemp.

Id-deputat Nazzjonalista appella biex il-gvern jikkunsidra l-problemi tal-bdiewa Għawdxin minħabba li m’hemmx pitkalija. Hu appella wkoll beix l-art agrikola ma titħalliex żdingata jew tiġi abbużata; għalhekk l-Awtorità għandha tikkontrolla din l-art agrikola biex ikun assigurat li kull art argikola tinħadem.

Toni Bezzina kompla li l-bejgħ ta’ raba’ agrikolu għandu jsir mill-Awtorità u mhux tinbiegħ md-Dipartiment tal-Artijiet. Hu tkellem dwar il-fatt li l-Awtorità sservi ta’ intermedjarju u sostna li art pubblika agrikola għandha tkun trasferita biss għand bdiewa ġenwini biex ma jkunx hemm abbużi.

Dwar l-ippjanar tal-iżvilupp, Toni Bezzina qal li l-impressjoni hi li l-gvern ħalla li jsir żvilupp f’żoni ‘l barra mill-iżvilupp u għalhekk l-Awtorità għandha tassigura li kull żvilupp isir skont il-policies.

Il-bidwi ġenwin għandu jingħata spazju biex ikun jista’ jaħdem, sostna Toni Bezzina, li tkellem kontra l-mod kif art agrikola spiċċat intużat għal skopijiet kummerċjali wara li art tal-gvern inkriet bi prezzijiet għolja li żgur li jistgħux jitħallsu mill-bdiewa. Il-gvern għandu jgħin ukoll lill-bdiewa jinvestu f’agrikoltura mġedda li talli l-qligħ.

Toni Bezzina kompla li jeħtieġ li jissolvew il-problemi li jiffaċċjaw il-bdiewa minħabba nuqqas ta’ ilma tat-tieni klassi.