L-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg ħarbet mill-ġurnalisti u ma wieġbet għall-ebda mistoqsija li saritilha dwar l-iskandlu tal-bank Pilatus.
Ilbieraħ Buttigieg kienet preżenti għal konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard. Fi tmiem tal-konferenza, il-ġurnalisti preżenti pruvaw isaqsu lill-Avukat Ġenerali dwar dak li kien żvelat fil-ktieb tal-awtur Robert Aquilina, iżda Victoria Buttigieg ħarbet mill-ġurnalisti u ma wieġbet għall-ebda domanda li saritilha.
Bl-istess Ministru jwaqqaf lill-ġurnalisti preżenti milli jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom lill-Avukat Ġenerali.
Evidenza ġdida li kienet żvelata minn Aquilina tindika li l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg ħarġet għonqha għal Antoinella Gauci, li kienet Risk Manager tal-bank Pilatus, minħabba r-rabtiet li kellha ma’ Robert Abela.
Fil-ktieb “Pilatus: A laundromat bank in Europe”, Aquilina preżenta fatti u provi ġodda – fosthom emails – illi jikkonfermaw kemm fl-iskandlu tal-bank Pilatus kien hemm għanqbuta sħiħa ta’ personaġġi li ddefsu f’din is-saga sabiex għattew lil xulxin… tant li qal li dawn huma affarijiet li jiġru biss fil-Korea ta’ Fuq.
Fil-ktieb tiegħu huwa jindika li l-proċeduri kontra waħda mill-uffiċjali ta’ Pilatus – Antoniella Gauci – twaqqfu ħesrem minħabba li l-familja tagħha kellha rabtiet mal-Prim Ministru Robert Abela. Din l-allegazzjoni serjissima titfa’ pressjoni enormi fuq Abela u t-tmexxija ta’ Kastilja, għaliex għall-ewwel darba isem il-Prim Ministru qed jintrabat ma’ dan l-iskandlu ta’ ħasil ta’ flus.
Fil-ktieb, Aquilina jgħid illi missier Antoniella Gauci u anke ħuha kienu klijenti u kanvasers ta’ Robert Abela. Bl-awtur jindika li dan possibbilment kien fattur li wassal lill-Avukat Ġenerali toħroġ ordni – imsejħa nolle prosequi – sabiex il-Pulizija ma jmexxux bl-akkużi kontriha.
//= $special ?>