Talanqas persuna tilfet ħajjitha, b’diversi nies oħra jindarbu fost il-kollass ta’ multi-storey car park li seħħ ilbieraħ fil-belt ta’ New York.
Filwaqt li l-‘piramidi’ tal-karozzi fuq xulxin ( fost il-konkrit imfarrak) qed jipprovdu xenarju impressjonanti, l-awtoritajiet fil-belt mgħandhomx dubju li l-kroll seta’ irriżulta f’konsegwenzi ħafna agħar – bil-kawża tal-kollass qed tkun investigata bir-reqqa.
Il-kroll affettwa l-aktar lit-tieni suldar tal-kumpless għoli erba’ sulari fid-Distrett Finanzjarju ta’ Manhattan – bl-uffiċjali li wieġbu għall-emerġenza jikkonfermaw, sigħat wara, li l-ħaddiema tal-car park kienu kollha qawwijin u sħaħ.
Kelliema għan-New York City Fire Department qalu li l-ħidma tas-salvataġġ fil-kumpless kienet perikoluża ħafna għall-firefighters minħabba li l-istruttura spiċċat instabbli b’riżultat tal-kroll.
Fil-fatt, it-tfittxija għan-nies baqgħet għaddejja anki waqt li kienu qed iċedu partijiet tal-kumpless u sakemm il-ħaddiema għall-emerġenzi aċċertaw ruħhom li n-nies li kienu qed ifittxu kienu kollha salvi.
Ma ngħatawx dettalji dwar il-persuna li tilfet ħajjitha fil-kroll, iżda mifhum li din x’aktarx li kienet fil-karozza tagħha fil-ħin tat-traġedja.
//= $special ?>