Raġel Albaniż residenti Malta ċaħad li ħataf mara minn fuq ‘bus stop’ u li abbużaha sesswalment. Hu mifhum li l-vittma kienet qed tistenna f’bus stop meta Ilir Gjorna waqaf u offrilha lift. Meta rrifjutat, Gjorna allegatament ħareġ mill-vann u mbutta għal ġewwa fih, u b’hekk irriżulta każ ta’ ħtif.
Ladarba kienet ġewwa l-vann, il-Prosekuzzjoni qalet li huwa pproċeda biex beda jmiss il-partijiet intimi tal-mara u ġġiegħelha tagħmel sess orali. Gjorna, resdienti San Pawl il-Baħar kien mixli li ħataf lill-mara Maltija, li wettaq atti mhux kunsenswali fuqha, li żammha kontra r-rieda tagħha, li ġiegħelha twettaq atti li jmorru kontra l-pudur tagħha, li ssuġġetta lill-mara għal atti ta’ intimità fiżika mhux mixtieqa, li offenda l-morali pubblika, li ma kienx fil-kontroll sħiħ tal-vettura li kien qed isuq u li juża l-mowbajl waqt is-sewqan.
Gjorna, li qal lill-Qorti li huwa mastrudaxxa Sloven, kien telaq minn Malta ftit wara l-inċident u ġie arrestat it-Tlieta mar-ritorn tiegħu Malta. L-Avukat Mario Buttigieg, avukat difensur tiegħu qal li r-raġel kien qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi.
Il-libertà proviżorja ma ġietx mitluba. Fil-Qorti ġew esebiti żewġ mowbajls, li huma tal-imputat. L-avukat tal-Prosekuzzjoni Angele Vella talbet lill-qorti biex toħroġ ordni ta’ protezzjoni favur l-allegata vittma, li l-Qorti laqgħet minnufih.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-ordni, Gjorna ġie pprojbita milli jersaq, jikkuntattja jew jimmolesta lill-mara jew imur fil-postijiet li normalment tiffrekwenta, għal perjodu ta’ tliet snin. Il-Qorti wissiet lill-akkużat li jekk jikser din l-ordni jeħel multa ta’ 7,000 ewro jew priġunerija. L-Ispetturi Andrew Agius Bonello u Clayton Camilleri mexxew il-Prosekuzzjoni, flimkien mal-prosekuturi Angele Vella u Danika Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>