Lokali Qorti

Raġel li għandu l-vizzju tad-droga mixli b’serq ta’ cables minn fabbrika

Raġel bil-vizzju tad-droga ta’ 38 sena li allegatament seraq cables tal-metall minn fabbrika ta’ Raħal Ġdid inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella. David Scicluna minn Wied il-Għajn, ġie mixli b’serq aggravat, ħsara volontarja fuq proprjetà ta’ terzi u attentat ta’ serq.

Huwa ġie mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-pleġġ mogħtija f’Awwissu tas-sena l-oħra kif ukoll li kiser ordni ta’ probation mogħtija f’Lulju tal-2021. L-ammont allegatament misruq jaqbeż l-€2,329.37. L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

L-Ispettur Paul Camilleri qal li l-gwardjani tas-sigurtà fil-fabbrika avżaw lill-Pulizija dwar il-preżenza ta’ barrani li rawh jkaxkar kejbils tal-metall aktar kmieni din il-ġimgħa. Waqt l-interrogazzjoni Scicluna, li hu bla xogħol, ammetta li għandu problema tad-droga.

L-avukat difensur, Roberta Bonello Felice, f’dan l-istadju ma talbitx il-ħelsien mill-arrest iżda talbet lill-Qorti biex tissuġerixxi lill-awtoritajiet tal-ħabs biex jagħtu lill-akkużat il-kura meħtieġa biex jindirizza l-problema tad-droga tiegħu. Il-Maġistrat Vella laqgħet dik it-talba filwaqt li żammet lill-akkużat arrestat. L-Ispettur Antonello Magri mexxa l-Prosekuzzjoni.