Lokali

Robert Abela sieket dwar ir-rabta mal-Bank Pilatus

Wara li s-Sibt li għadda għall-ewwel darba… isem Robert Abela spiċċa marbut mal-iskandlu tal-bank Pilatus …il-Prim Ministru qed jibqa’ fommu sieket. Għalkemm ma’ Net News, ikkonferma li l-familja ta’ Antoniella Gauci kienet klijent tiegħu.

Fil-ktieb il-ġdid, Robert Aquilina indika li l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg ħarġet għonqha għal Antoinella Gauci, illi kellha kariga għolja fil-bank Pilatus – u dan minħabba l-fatt li l-familja ta’ Gauci għandha dawn rabtiet mal-Prim Ministru.

Filfatt, meta dan l-istazzjon staqsa lil Robert Abela dwar il-fatti l-ġodda li ħarġu, il-Prim Ministru kkonfermalna li huwa tassew kien avukat tal-familja ta’ Gauci. U prova jimplika illi din kienet xi ħaġa magħrufa – meta dan mhux il-każ.

Antoinella Gauci kienet Risk Manager tal-bank Pilatus, u kienet il-mara li nqabdet ma’ Ali Sadr fil-famuż filmat tal-2017, meta huma dehru jaħarbu mill-bank Pilatus fis-satra tal-lejl. Dak iż-żmien, il-bank kien qed jaffacja akkużi serji ta’ ħasil ta’ flus…u l-uniku ufficjal li tressqet il-Qorti sa issa hija Claudanne Sant Fournier.

Fil-ktieb tieghu, in-nutar Aquilina jgħid illi kemm missier Antoniella Gauci u kemm ħuha, kienu klijenti u kanvasers ta’ Robert Abela. Bl-awtur jindika li dan possibbilment kien fattur li wassal lill-Avukat Ġenerali toħroġ ordni – imsejħa nolle prosequi – sabiex il-Pulizija ma jmexxux bl-akkużi kontriha b’rabta mal-iskandlu tal-bank Pilatus.

Intant, fost il-membri tal-Kabinett – skiet assolut dwar dawn il-fatti li jippuntaw direttament lejn Robert Abela. Bl-uniku wieħed li kkummenta kien il-Ministru tal-Finanzi.

Il-ktieb il-ġdid dwar l-iskandlu Pilatus jimplika wkoll cover-up bl-involviment tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali; xi ħaġa li għadha s’issa mhux miċħuda la mill-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg u lanqas mill-Kummissarju Angelo Gafa.