Sport Sport Ieħor

Taekwondo: Hadi Mostaan imexxi kamp ta’ taħriġ

Atleti Maltin li jippratikaw it-Taekwondo kellhom ġurnata memorabbli meta l-atleta u coach magħruf mill-Iran, Hadi Mostaan kien f’Malta fil-ġranet li għaddew biex imexxi kamp ta’ taħriġ.

Il-kamp ta’ taħriġ mifrux fuq jumejn sar fil-club tal-Iron Taekwondo League f’Santa Venera fejn kien milqugħ mill-atleti tal-clubs lokali fejn uħud minnhom kellhom biss seba’ snin.

Hadi Mostaan huwa leggenda ta’ dan l-isport li apparti li kien kiseb il-Fidda fil-kampjonati tad-dinja fl-2013 u champion ta’ pajjizu għal għaxar snin konsekuttivi, kiseb midalja tal-fidda fl’ Universiadi tal-2012 u żewġ midalji tal-bronż fit-Tazza tad-Dinja u fil-Grand Prix ta’ Manchester fl-2014.

Meta ma baqax jikkompeti, Mostaan inħatar bħala kowċ nazzjonali tal-Iran. Din iz-zjara serviet ta’ incentiv għall-atleti lokali biex ikomplu bit-taħriġ tagħhom speċjalment jgħin dawk l-atleti li ser jieħdu sehem f’kompetizjonijiet internazzjonali.

Fil-ġimgħat li ġejjin Michela Scerri u Alyicia Cassar, ser jirrapreżentaw lil Malta f’ranking tournament fl-Albanija.