Lokali

Edward Scicluna jibqa’ jinsisti bl-eżistenza tal-“Kitchen Cabinet”

Sal-Ħamis filgħodu, il-Pulizija kienu għadhom ma kelmux lill-eks Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, li illum huwa Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Dan minkejja li fil-PAC, hu ġie akkużat li gideb taħt ġurament quddiem l-Inkjesta Pubblika.

Dan ikkonfermah Scicluna innifsu meta kien mistoqsi minn Net News dwar il-fatt li waqt seduta tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi l-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri giddeb lil Edward Scicluna meta hu kien għamel referenza għall-eżistenza ta’ Kitchen Cabinet.

Dan apparti li Scicluna, fil-kummenti li tana, baqa’ jinsisti li hu ma kienx involut fl-għażla tal-Electrogas.

Il-Professur Scicluna stqarr li huwa kien biss involut fl-għoti tal-garanzija bankarja lil dan il-konsorzju.

Minkejja li Keith Schembri ċaħad għal kollox l-eżistenza ta’ kitchen cabinet fi żmien Joseph Muscat, Edward Scicluna baqa jinsisti li kien hemm Kabinett fi ħdan l-istess Kabinett Laburista…filwaqt li dwar il-powerstation, farfar kollox fuq l-eks Ministru tal-Enerġija u star candidate tal-Labour…Konrad Mizzi.

U filwaqt illi insista li Joseph Muscat kellu persuni qrib tiegħu li kienu jagħtuh il-pariri ‘l barra mill-Kabinett tal-Ministri…inkluż konsulenti bħalma kien Robert Abela…Edward Scicluna rrepeta għal darb’oħra li l-għażla aħħarija b’rabta mal-Electrogas ma kinitx f’idejh.

Intant matul il-jum tal-Erbgħa l-Partit Nazzjonalista appella lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà sabiex minnufih tinfetaħ investigazzjoni b’rabta ma’ dak li qal Keith Schembri fil-PAC – ċioè li Edward Scicluna kif ukoll l-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta gidbu taħt ġurament waqt ix-xhieda tagħhom fl-Inkjesta Pubblika illi kienet investigat il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.