Sport Sport Ieħor

Futsal: Reazzjoni mill-Maltin fit-tieni partita ta’ ħbiberija kontra l-Awstrija

(Ritratt: Joe Borg)

It-tim nazzjonali Malti tal-futsal ipproduċa wirja tajba meta kontra l-Awstrija rebaħ bl-iskor ta’ 5-2 fit-tieni partita ta’ ħbiberija li ntlagħabet fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke. Fl-ewwel partita t-tim Malti kien safa’ megħlub 8-2 . It-tim Malti kien aktar aggressiv u żamm il-pressjoni mal-avversarji b’żewġ gowls kmieni li wittew it-triq għal rebħa importanti.

Malta marret fil-vantaġġ permezz ta’ Andre Cachia li x-xutt b’saħħtu tiegħu għeleb lill-goalkeeper Matthias Sadilek. L-iskor sar 2-0 wara li Maicon qassam lejn Steven Camilleri li f’lasta vojta xeħet il-ballun fix-xibka. Il-Maltin wettqu ħames fouls, bl-Awstrijaċi jingħataw free-shot li minnu Vahid Muhamerovic skorja it-2-1 fi tmiem l-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima, il-Maltin baqgħu aggressivi bl-Awstrijaċi nervużi tant li tkeċċilhom Gustavo Steinwandter fuq ritaljazzjoni. L-iskor sar 3-1 bix-xutt ta’ Cleaven Portelli li ssoprenda lil Sadilek. L-istess Cleaven Portelli approfitta mill-fatt li l-Awstrijaċi kienu qed jilagħbu bil-flying keeper meta skorja f’lasta vojta. L-Awstrijaċi naqqsu l-iskor permezz ta’ Marco Meitz. Madankollu l-iskor sar 5-2 għal Malta b’gowl minn Luke Gatt.