Kultura Kurżitajiet Lokali Transport

Ħarġa filatelika ġdida li toffri viżwal relatat mal-ferrovija antika Maltija

Fil-25 ta’ April 2023, biex jitfakkar il-wirt kulturali Malti tal-“vapur tal-art”, MaltaPost qed tipproduċi ħames bolli ġodda li jaġhtuna viżwal relatat mal-ferrovija antika ta’ Malta.

Il-Ferrovija ta’ Malta ħadmet għal 48 sena, fil-perjodu ta’ bejn l-1883 u l-1931.

Waħda mill-bolli turi r-rotta tal-ferrovija, u tlieta oħra, ddisinjati minn l-artist John N. Scerri, juru xeni mill-istazzjonijiet tal-ferrovija ta’ Birkirkara, Ħamrun u Mtarfa rispettivament.

Bolla oħra turi l-ferrovija ħierġa mill-mina ġewwa il-Foss ta’ San Ġakbu, fil-Belt Valletta.

Il-fotografija saret bil-kortesija tal-Malta Railway Foundation filwaqt li l-pittura hija tal-artist lokali Richard J. Caruana.

Dawn il-bolli se jinħarġu f’folji ta’ ħamsa, b’kull bolla hija ta’ daqs 76mm x 20mm, b’perforazzjoni ta’ 13.7 x 14.0 u għandha “watermark” bis-salib ta’ Malta.

Kull folja hija ta’ daqs 108.1mm x 132.3mm u ġiet stampata minn Printex Limited bi proċess offset. Il-ħarġa tikkonsisti f’12,000 folja tal-bolla ta’ €1.50.

Din il-ħarġa filatelika se tkun għall-bejgħ mill-Fergħat Postali f’ Malta u Għawdex mit-Tlieta 25 ta’ April 2023.