Sport Sport Ieħor

Ibburdjar: Ġimgħa ‘l bogħod mill-bidu tal-Kampjonati Ewropej ORC

Fadal ġimgħa biex madwar 40 dgħajsa, minn 12-il pajjiż jibdew l-ewwel kompetizzjoni tal-Kampjonati Ewropej ORC, organizzati mir-Royal Malta Yacht Club u Yachting Malta, bl-awtorità tal-Offshore Racing Congress u Malta Sailing Federation.

L-ewwel tiġrija fil-programm se tkun tellieqa offshore, li maħsuba ddum bejn 30 u 36 siegħa bi tmiem mistenni l-Ħamis 27 ta’ April. It-tiġrijiet li jifdal fil-kampjonat jikkonsistu minn tiġrijiet ħdejn il-kosta li jsiru nhar il-Ġimgħa u s-Sibt, 28-29 ta’ April. Tellieqa qasira Offshore ta’ bejn 10 u 12-il siegħa ssir il-Ħadd 30 ta’ April, u ġurnata finali ta’ tiġrijiet ħdejn il-kosta t-Tnejn 1 ta’ Mejju segwit miċ-Ċerimonja ta’ Premjijiet.

Ir-rebbieħa jkunu determinati mill-iskor fi tliet klassijiet – ORC A ; B u C – jkunu dikjarati ORC Ċampjins Ewropej 2023, u t-timijiet kollha dilettanti se jkunu rikonoxxuti bit-trofej tad-diviżjoni Corinthian.

Il-klassi ORC A għandha 10 timijiet imdaħħla minn Ċipru, l-Irlanda, l-Italja, u Malta. Fosthom hemm il-jott OTRA VEZ, ta’ Aaron Gatt Floridia tal-RMYC, li hu veteran ta’ diversi Rolex Middle Sea Races.

Il-klassi ORC B se tkun bi 18-il tim mill-Belġju, Bulgarija, Repubblika Ċeka, Estonja, Greċja, Italja, Polonja, u l-Iżvezja. Il-klassi ORC C għandha 11-il parteċipant mill-Bulgarija, Repubblika Ċeka, Estonja, Greċja, Italja, Malta, u Spanja.

Malta se tkun rappreżentata minn disa’ jottijiet. Il-flotta se tinkludi r-rebbieħa tal-RMSR Artie III (Lee Satariano) u Elusive 2 (Aaron, Christoph, u Maya Podesta), kif ukoll Bait (Paul Debono), Be Free (Horst Huesley), Corona (Luis Azzopardi / Sara Baldwin), Otra Vez (Aaron Gatt Floridia), Ton Ton Laferla (Jonathan Gambin), Unica (Jamie Sammut) u Vivace (Andrew Agius Delicata/Matthew Gabriele).