Id-Direttur għall-Ħarsien tal-Annimali Patricia Azzopardi intalbet tirriżenja minħabba nuqqas ta’ azzjoni fuq numru ta’ każijiet ta’ abbuż tal-annimali.
Il-qofol ta’ kollox jidher li kien in-nuqqas ta’ azzjoni tagħha dwar il-każ li seħħ it-Tnejn filgħodu meta Andre Galea safa’ attakkat mill-klieb tiegħu stess u spiċċa rikoverat l-Isptar minħabba l-ġrieħi li ġarrab.
Patricia Azzopardi nħatret bħala Direttur għall-Ħarsien tal-Annimali fl-2021, wara li l-eks Direttur Noel Montebello ħalla din il-kariga. Hi ntalbet tirriżenja mingħajr ma għadu magħruf min u meta se jinħatar minflokha.
Id-Direttur tal-Ħarsien tal-Annimali għandu s-setgħat legali li jidħol f’residenza privata jekk ikollu suspett raġonevoli li l-annimali mhux qed jinżammu f-ambjent tajjeb.
Rapporti qed jindikaw li Azzopardi ċaħdet l-allegazzjonijiet ta’ dewmien fit-teħid ta’ azzjonijiet… u qalet li ma kienet se tpoġġi l-ebda persuna mill-Animal Welfare fil-periklu billi tibgħathom id-dar ta’ sid il-klieb. Hija qalet li bgħatithom l-isptar biex l-ewwel jitkellmu mas-sid, biex imbagħad hu stess bagħat persuna oħra midħla tal-klieb… li ħarġithom wieħed, wieħed.
Ftit aktar minn sentejn ilu, il-klieb ta’ Galea kienu qatlu lil nanntu b’mod brutali fir-residenza tagħha. Għalkemm il-klieb involuti fl-inċident tat-Tnejn ma kienux l-istess klieb involuti fl-inċident ta’ Settembru, meta nqatlet in-nanna ta’ Galea.
Il-Ministeru ħabbar ukoll li l-awtoritajiet se jkunu qed jagħmlu awtopsja fuq il-kelb li allegatament inqatel minn Andre Galea stess wara li attakkah.
Intant huwa kkonfermat ukoll it-8 iklieb li ġew ikkonfiskati mid-dar ta’ Galea mhumiex se jitraqqdu, iżda huwa mifhum li dawn se jkollhom dog trainer biex ikunu jistgħu jiġu mħarrġa fl-imġieba tagħhom.
It-Tlieta filgħodu, diversi attivisti tal-annimali u NGO’s ħarġu stqarrija fejn insistew li kieku l-Ministru Anton Refalo ħadem fuq liġi minn meta seħħ il-każ tal-anzjana li nqatlet brutalment mill-klieb tan-neputi tagħha, kieku dan l-aħħar każ tal-Imsida ma kienx jerġa’ jiġri.
L-attivista u l-preżentatriċi tal-programm Vuċi għall-Annimali fuq Net TV, Althea Galea, permezz ta’ post fuq il media soċjali, qalet li d-Direttur għall-Ħarsien tal-Annimali ma setgħetx twettaq xogħolha kif meħtieġ minħabba nuqass ta’ riżorsi ….u ħaddiema li m’għandhomx taħriġ u mħabba għall-annimali.
//= $special ?>