Il-Fond Soċjali għall-Klima, li kien responsabbli għalih il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa, hu konferma tal-impenn tal-Partit Nazzjonalista li jibqa’ jikseb suċċessi għall-Maltin għax se jiżgura investimenti diretti għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
Dan saħqitu d-Deputat Parlamentari Nazzjonalista Eve Borg Bonello fejn saħqet li bil-Fond Soċjali għall-Klima kien assigurat €60 miljun f’investimenti diretti għall-familji u l-intrapriżi żgħar madwar Malta u Għawdex, b’salvagwardji stretti biex jipproteġu kontra kull riskju ta’ abbuż.
Hija sostniet li huu wkoll storja oħra ta’ suċċess fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista, li juża’ kull opportunità biex jikseb il-ġid għaċ-ċittadini Maltin u jsaħħaħ il-kredenzjali tiegħu bħala gvern alternattiv kredibbli, kif ukoll juri biċ-ċar il-kredenzjali tal-Partit Nazzjonalista fejn jidħol l-ambjent u l-impenn favur ħajja aħjar u ambjent aktar san għal uliedna.
Il-Partit Nazzjonalista jrid li Malta tagħmel il-parti tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil tal-klima u għalhekk hu kuntent li jinsab fil-quċċata ta’ dawn l-isforzi, anke fil-Parlament Ewropew. Itenni wkoll li t-tranżizzjoni klimatika għandha tkun waħda li tħaddan il-bżonnijiet tas-soċjetà, bil-Fond Soċjali għall-Klima hu l-aħjar eżempju tal-prijoritajiet tal-Partit għal soċjetà aktar ġusta.
Il-Partit Nazzjonalista jawgura li dawn il-fondi jkunu użati bl-aktar mod ġenwin u professjonali, b’meritokrazija li l-flejjes ikunu investiti b’mod responsabbli biex il-poplu Malti u Għawdxi kollu jgawdi pajjiż aktar nadif, b’ekonomija aktar sostenibbli li tħaddan ġustizzja soċjali fit-tranżizzjoni lejn in-newtralità tal-karbonju.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għandha tkun indirizzata minn kull qasam tal-ħajja u l-ekonomija, b’dawn il-fondi jistgħu jgħinu għal ġlieda aktar effettiva u serja. Fil-fatt, il-Fond Soċjali għall-Klima se jwassal għal investimenti totali ta’ €86.7 biljun madwar l-Ewropa u jagħmel parti mill-isforz wiesgħa biex l-Unjoni Ewropea tiġġieled l-effetti tat-tibdil tal-klima.
//= $special ?>