Il-Fondazzjoni St Jeanne Antide mmodernizzat is-sistema tal-immaniġġjar tal-klijenti tagħha, u tejjbet l-istandards ta’ saħħa u sigurtà permezz ta’ fondi mogħtija mill-Fondazzjoni Melita.
Il-Fondazzjoni St Jeanne Antide hija l-fergħa tas-servizzi tal-ħarsien soċjali tas-Sorijiet tal-Karità f’Malta, li tipprovdi servizz ta’ appoġġ professjonali lil persuni u familji vulnerabbli li għaddejjin minn ċirkostanzi diffiċli f’ħajjithom u li qegħdin f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali.
L-għajnuna tal-Fondazzjoni Melita ppermettiet li jsir investiment f’sistema tal- immaniġġjar tal-klijenti, li ta’ kuljum taqdi lil numru kbir ta’ persuni li jfittxu l-għajnuna permezz taċ-Ċentru Antida Family Service Hub.
Is-servizzi offruti f’dan iċ-ċentru jinkludu s-servizz ‘Community Social Work’, li jappoġġja familji soċjalment esklużi u li diffiċli jintlaħqu, kif ukoll persuni f’riskju ta’ faqar; is-servizz ‘Soar’, immexxi minn nisa li għelbu l-vjolenza domestika b’risq nisa oħra li għaddew minn din l-esperjenza; is-servizz ‘LWIEN’ li jwieżen persuni li qed jieħdu ħsieb membri tal-familja bi problemi ta’ saħħa mentali; u s-servizz ‘Emotional Freedom’ immirat għal persuni li jixtiequ jfittxu l-għajnuna biex jindirizzaw tbatija emozzjonali intensa jew persistenti.
Barra minn hekk, bis-saħħa tal-fondi, ġiet installata sistema ta’ detezzjoni tan-nar fl-uffiċċju prinċipali tagħha f’Ħal Tarxien u saret l-evalwazzjoni mandatorja tar-riskji għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Il-fondi appoġġjaw ukoll proġett ta’ intrapriża soċjali mmexxija minn persuni li għelbu l-vjolenza domestika, li setgħu jixtru l-materja prima meħtieġa għall-inizjattiva tas-sapun Meraki.
“Waqt iż-żjara riċenti tagħna, imtlejna bl-ammirazzjoni u l-umiltà hekk kif rajna d-dedikazzjoni senza interessi tal-mexxejja u l-impjegati ta’ St Jeanne Antide u s-sostenn essenzjali li jipprovdu lil familji li għaddejjin minn sitwazzjonijiet kritiċi.” Il-Professur Tanya Sammut-Bonnici, Kap tal-Fondazzjoni Melita, żiedet tgħid li huma, “Kuntenti li stajna nwieżnu x-xogħol amministrattiv u leġiżlattiv ta’ din l-organizzazzjoni karitattiva tant importanti.”
//= $special ?>