Internazzjonali

Il-Jemen: Imutu mgħaffġin f’rassa…huma u jistennew għotjiet ekwivalenti għal 10 ewro

Mietu talanqas 80 persuna waqt rassa ‘inkontrollabbli’ ta’ nies li pakkjaw kumpless ta’ skola, f’Sanaa, fejn kienet qed titqassam l-għajnuna lill-familji nieqsa mill-affarijiet essenzjali.

L-ewwel filmati tat-traġedja li ħarġu fuq il-media soċjali wrew gruppi ta’ nies marsusin ma’ xulxin fi spazju ristrett u fejn il-paniku deher ċar fuq wiċċhom minħabba s-sitwazzjoni ‘impossibbli’ li spiċċaw fiha.Il-videos qed juru wkoll lin-nies waqt li qed jippruvaw joħorġu mill-folla fost l-għajjat u t-twerżiq u b’għexieren ta’ nies mal-art – uħud minnhom mgħaffġin u mejtin fuq il-post.

L-aħħar rapporti qalu li żewġ negozjanti lokali li organizzaw l-avveniment kienu qed jinżammu taħt arrest bħala parti minn investigazzjoni. Il-kelliema għall-Ministeru tal-Intern f’Sanaa qalu, intant, li t-traġedja kienet dovuta għad-distribuzzjoni tal-flus għall-għarrieda waqt avveniment li ma kienx koordinat mal-uffiċjali lokali.

Dan wara li mijiet ta’ nies kienu pakkjaw il-kumpless tal-iskola fiz-zona ta’ Bab al-Yemen biex jingħataw donazzjonijiet li jammontaw għall-ekwivalenti ta’ għaxar ewro għal kull persuna.

Il-Jemen ilu s-snin suġġett għal gwerra ċivili fejn koalizzjoni militari mmexxija mill-Għarabja Sawdija qed tiġġieled kontra l-moviment tar-ribelli Houthi li ilhom jikkontrollaw Sanaa mill-2015. Dan meta l-Jemen meqjus fost l-ifqar pajjiżi fid-dinja u li anki qed jiffaċċja waħda mill-agħar kriżijiet umanitarji.