It-Tlieta 18 ta’ April, tħabbret il-mewt tal-missjunarju fil-Brażil, Mons Ġużepp Agius, mill-Munxar f’Għawdex fl-għomor ta’ 81 sena.
Mons. Agius inzerta f’pajjiżna għal btala qasira biex jagħti sorpriża ppreparta minn neputija tiegħu biex jiċċelebra għeluq it-80 sena ta’ oħtu li tgħix il-Munxar.
F’Diċembru tal-2022, huwa għalaq 61 sena bħala missjunarju fil-Brazil hekk kif kien wasal hemm fit-18 ta’ Dicembru tal-1961, wara stedina ta’ Dom Geraldo Fernandes, l-ewwel Isqof ta’ Djoċesi ġdida fl-Istat tal-Paraná.
Wara 6 xhur mill-Ordinazzjoni Saċerdotali li ġrat fl-4 ta’ Lulju tal-1965, l-Isqof ħatru kappillan fil-Muniċipju ta’ Rolândia, fejn kien għadu jgħix sal-lum.
Kien żmien sabiħ ta’ tibdil u tiġdid fil-liturġija, fil-katekeżi u fl-istrutturi tal-parroċċa, li ġab miegħu il-Konċilju Vatikan it-Tieni. Allura, ħass il-ħtieġa li jifforma u jgħaqqad il-Komunità billi jindiegħes fl-oqsma kollha tal-ħajja soċjali u jifhem il-bżonnijiet kurrenti.
Kellu jinża l-istil ta’ ħajja Maltija biex jilbes l-istil tal-Brażil. Minn hemm ‘il quddiem aċċetta l-kultura tan-nies tal-post. Għal Dun Ġużepp il-ħajja tal-missjunarju hi li tkun xhud ta’ Kristu quddiem dawk li tgħix magħhom.
Fl-istess żmien ġie mitlub minn grupp ta’ immigranti Ġermanizi li kien waslu xi 25 sena qablu biex jingħaqad magħhom u jagħti isem lill-isptar li semmiegħ Sptar San Rafiel, isem bibliku li jfisser “Alla jfejjaq”.
Dun Ġużepp għaqqad ukoll grupp ċkejken ta’ nies biex Kulleġġ kattoliku mwaqqaf u mmexxi mis-sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesu ta’ Malta ma jagħlaqx.
Billi l-belt ta’ Rolandia bdiet tiżviluppa, qasam it-territorju f’setturi u waqqaf 16-il komunita fil-periferija u 6 mifruxin qalb l-għelieqi. Bil-għajnuna ta’ dawn il-komunitajiet u ta’ għaqdiet soċjali (Rotary, Lions, Vicentini), ħoloq diversi proġetti soċjali għat-tfal u żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta’ faqar, ta’ droga u ta’ serq.
Sa qabel il-pandemija, kienu jiġbru madwar 1,300 tfal u żgħażagħ u l-familji tagħhom u li issa dawn il-proġetti qed jerġgħu jieħdu r-ruħ anke bil-ġenerożita tal-poplu Malti u Għawdxi.
Bis-saħħa ta’ dawn il-komunitajiet, bena ukoll 4 knejjes sbieħ li saru parrocci, 8 swali kommunitarji mferxin fil-periferija li fihom isiru laqgħat reliġjuzi.
Bħala rikonoxximent, il-Gvernatur tal-Istat tal-Paraná tah it-titlu ta’ Cittadin Onorarju tal-Paraná fl-2019.
Ħafna mit-tobba, avukati, mħallfin, nies tan-negozju u tal-industrija, li dejjem għin, illum kienu jistmawh tal-familja. Verament u bla tlaqliq Dun Ġużepp seta’ jtenni li kollox għamel bi spirtu missjunarju għall-imħabba ta’ Alla u l-ġid tal-erwieħ.
Dun Ġużepp għin jorganizza u laqa’ għandu politiċi Maltin, fosthom l-eks Prim Ministru, Eddie Fenech Adami, li kienu għażlu li jżuruh il-Brażil.
Kif kien xieraq Dun Ġużepp ingħata ukoll Ġieħ il-Munxar bħala rikonoxximent għal din il-ħidma tiegħu fil-Brażil imma mhux biss, għax Dun Ġużepp kien verament ambaxxatur tal-parroċċa tiegħu u ta’ pajjiżu. Huwa kien anki l-awtur tal-Innu ta’ San Pawl, kompożizzjoni tal-mibki, il-Profs Joseph Vella, fl-1965.
//= $special ?>