Lokali

Il-PN b’impenn favur setturi ekonomiċi ġodda u eżistenti

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ impenjattiv li jaħdem favur setturi ekonomiċi ġodda u anke setturi eżistenti biex pajjiżna jissaħħaħ iktar minn qatt qabel.

Dan intqal meta l-Kap tal-PN, Bernard Grech, flimkien mal-Kelliem għat-Trasport, Adrian Delia u l-Kelliem għas-settur Marittimu, Ivan Castillo żaru l-kumpanija Focal Maritime fejn flimkien mal-ħaddiema ddiskutew l-importanza tas-settur marittimu f’pajjiżna. Din iż-żjara saret bħala parti mill-attivitajiet tal-PN għall-jum il-ħaddiem bit-tema “Nagħtu s-Saħħa lill-Ħaddiem”.

Bernard Grech spjega ma’ Net News fil-bżonn li pajjiżna jaħseb bis-serjetà li jagħti imbuttatura ‘l quddiem għas-setturi kollha, b’mod speċjali għal dak marittimu li għandu tant potenzjal. Kien fid-dawl ta’ dan li Bernard Grech wiegħed li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jagħti l-opportunitajiet kollha li jeżistu biex jindirizzaw l-isfidi kollha li jaffaċjaw.

Wiegħda ewlenija min-naħa ta’ Bernard Grech kienet li l-Partit Nazzjonalista se jassigura li pajjiżna jkollu Ministeru ddedikat għas-Settur Marittimu

Focal Maritime toffri servizzi għall-konsumaturi tagħhom, kemm lokali u anke internazzjonali, f’dak kollu li għandu x’jaqsam mas-settur marittimu u l-loġistika.

Ic-Chairmain il-ġdid ta’ Focal Maritime, Godwin Xerri spjega magħna wħud mill-isfidi li s-settur marittimu jaffaċja ta’ kuljum u l-bżonn li pajjiżna jibda jaħseb bis-serjetà għall-futur ta’ dan is-settur.

Għal dawn l-aħħar snin, il-Partit Nazzjonalista wiegħed li biex il-ħaddiema u l-professjonisti jgħixu ħajja ta’ kwalità aħjar mil-lat finanzjarju, se jkun qed joffri investiment f’niċeċ ekonomiċi ġodda. B’dan il-mod mhux biss noħolqu x-xogħol, imma noħolqu xogħol ta’ kwalità aħjar, value added u b’pagi li jrendu. Ma’ dan, il-Partit Nazzjonalista qatt ma naqas milli jaħseb f’dawk is-setturi eżistenti li tant għandhom potenzjal, fosthom is-settur marittimu.