Internazzjonali

Ir-Russja: Il-Kremlin qed juża lill-Korea ta’ Fuq bħala ‘theddida’

L-eks President Russu Dmitry Medvedev – illum uffiċjal influwenti fil-Kremlin  ta’ Moska – issuġġerixxa li pajjiżu, ‘il quddiem, jista’ jipprovdi lill-Korea ta’ Fuq komunista bl-aktar armi sofistikati fil-pussess ta’ Moska.

Il-messaġġ kellu wkoll ton ta’ rabja wara li l-Korea t’Isfel, ir-rivali kbira tal-Korea komunista, indikat li kapaċi tipprovdi l-għajnuna militari lill-Ukrajna li ilha aktar minn sena tirreżisti l-invażjoni ta’ artha mill-qawwiet tar-Russja.

Medvedev, li hu fost l-akbar sostenituri tal-gwerra fl-Ukrajna, kiteb artiklu li fih ikkundanna ‘lit-terzi partijiet li feġġew minn wara l-kwinti biex jgħinu lill-għedewwa ta’ Moska’.

Sadanittant, jidher li Medvedev ried iwassal theddida speċifika mingħand il-Kremlin wara li l-President tal-Korea t’Isfel,Yoon Suk-yeol, issuġġerixxa li l-Gvern tiegħu jista’ jibdel il-politika dwar il-proviżjoni potenzjali ta’ għajnuna militari lill-Ukrajna ‘minħabba l-attakki intensivi u kontinwi tal-qawwiet Russi fuq iċ-ċivili Ukreni’.