Iċ-ċivili f’Khartoum li qegħdin jgħixu minn jiem ta’ dmija u terrur għadhom qed jistennew għal ftehim effettiv għall-waqfien mill-ġlied wara ġimgħa ta’ battalji bejn l-Armata Sudaniża u l-milizzji tal-grupp paramilitari RSF li qamu kontra l-Ġeneral Abdel Fattah al-Burhan li hu l-Kap militari ewlieni u Mexxej ‘de facto’ tal-pajjiż.
Il-kriżi qed tkompli minkejja li l-ġlied kien waqaf għal ftit, nhar l-Erbgħa, waqt l-evakwazzjoni ta’ kontinġent ta’ suldati Eġizzjani– u bil-battalji jissuktaw b’furja akbar ladarba telaq l-aħħar Eġizzjan mis-Sudan.
Sadanittant, wasal il-messaġġ minn Khartoum li l-Armata u l-paramilitari ribelli ‘ma jimpurtahomx’ mit-telf tal-ħajja fil-kapitali u l-madwar, bil-vittmi ċivili – mejtin u midruba – kapaċi jammontaw għal ħafna mijiet.
Ir-residenti ta’ Khartoum jinsabu ddisprati u rrabjati dwar is-sitwazzjoni li jinsabu fiha u meta jidher li d-diplomazija mhi qed tasal imkien fiċ-ċirkostanzi.
Sadanittant, is-sorsi viċin l-organizzazzjoni umanitarja Corus International li qed tagħmel xogħol ta’ fejda fis-Sudan qalu li l-aktar element tat-twerwir hu li ħadd ma jaf x’jista’ iseħħ minn ħin għall-ieħor – bil-ħajja ta’ kulħadd, nisa, tfal, trabi u anzjani tinsab f’periklu. Ħafna ċivili Sudaniżi lanqas jafu għalfejn għaddejja l-‘gwerra interna’ u meta issa huma qed jiffaċċaw anki kriżi tal-ikel.
Ir-residenti f’Khartoum li kellmu lill-aġenziji tal-aħbarijiet barranin qalu li l-battalji kontinwi ħallew impatt allarmanti għall-provvisti tal-ikel u affarijiet oħra essenzjali. Is-sitwazzjoni affettwat anki l-provvista tal-elettriku, bin-nies, litteralment, qed jissugraw ħajjithom fis-sitwazzjonijiet fejn ikollhom joħorġu mid-dar għall-ilma.
Iċ-ċivili f’Khartoum anki ilhom iqattgħu l-iljieli fid-dlam mindu l-Ġeneral al-Burhan u l-Kap tal-RSF u Viċi-Mexxej Sudaniż, Mohamed Hamdan Dagalo, bdew jiġġieldu kontra xulxin permezz tal-qawwiet rispettivi. Dan wara li al-Burhan u Dagalo għamlu żmien imsieħba fi ftehim għall-qsim tal-poter fis-Sudan mindu al-Burhan, f’Ottubru tal-2021, kien ħataf il-kontroll tal-Gvern waqt kolp ta’ stat militari.
Intant, fl-aħħar sigħat komplew l-isparaturi u splużjonijiet f’Khartoum b’aktar nies jaħarbu mill-‘infern fil-kapitali’ u fost rapporti li s-servizzi mediċi fiz-zona spiċċaw ukoll f’xifer ta’ kroll.
//= $special ?>