Iż-żewġ logħbiet skedati għal-lum u li se jintlagħabu fis-Centenary Stadium huma biss formalità hekk kif id-destin ta’ dawn l-erba’ timijiet huwa magħruf.
Sirens vs Pietà Hotspurs | Illum, fis-18:00 fis-Centenary Stadium
Fl-ewwel kontront fis-18:00, Sirens immexxija minn Winston Muscat jiltaqgħu kontra t-tim relegat għaċ-Challenge League Pietà Hotspurs. Jiġri x’jiġri f’dan il-konfront, it-tim minn San Pawl il-Baħar se jkun qed jispiċċa dan il-kampjonat fid-disa’ post hekk kif jinsab erba’ punti taħt Valletta u jistgħu biss jintlaħqu minn Gudja li jinsabu tliet punti taħthom. Min-naħa l-oħra Pietà diġa relegati mistennija jilagħbu aktar żgħażagħ li forsi ma kellhomx ċans matul l-istaġun biex huma wkoll ikunu daqu l-għola diviżjoni tal-futbol Malti. Sirens se jkunu mingħajr Rei Tachikawa li jinsab sospiż. Fl-ewwel round Sirens ħarġu rebbieħa 1-0.
Valletta vs Marsaxlokk | Illum, fit-20:30 fis-Centenary Stadium
Anke Valletta u Marsaxlokk se jkunu biss qed jipprovaw jispiċċaw l-istaġun fuq nota pożittiva hekk kif Valletta, aktar minn Marsaxlokk, kellhom staġun diżappuntanti fejn għat-tielet staġun konsekuttiv naqqsu milli jikkwalifikaw għall-Ewropa. Minkejja li għall-investiment li għamlu, forsi kien mistenni li Marsaxlokk jispiċċaw f’pożizzjoni aħjar fil-klassifika, it-tragward li jsalvaw posthom mal-kbar wara staġun mill-promozzjoni laħquħ u issa jistgħu iħarsu ‘l quddiem biex ikomplu jibnu bit-tama li staġun ieħor ikunu aħjar. Barra minn hekk Marsaxlokk huwa wieħed mit-timijiet semi finalisti tal-FA Trophy u għalhekk dan jista’ jitqies bħala suċċess għat-tim immexxi minn Pablo Doffo li għadu biċ-ċans li jirbaħ it-tieni l-akbar unur fil-futbol Malti. Valletta rebħu l-ewwel konfront 2-1 lura f’Diċembru tas-sena l-oħra.
Programm tas-26 ġurnata:
Illum:
Centenary Stadium:
18:00 – Sirens vs Pietà Hotspurs
20:30 – Valletta vs Marsaxlokk
Għada:
Stadium Nazzjonali:
18:00 – Mosta vs Sta. Lucia
Gozo Stadium:
Floriana vs Hibernians
Centenary Stadium:
Gżira United vs Żebbuġ Rangers
Tony Bezzina Stadium:
Balzan vs Birkirkara
Is-Sibt:
Stadium Nazzjonali:
Ħamrun Spartans vs Gudja United
//= $special ?>