Il-Maġistrat Rachel Montebello sabet mara ħatja ta’ malafama fil-konfront tal-veterinarja tagħha fuq kummenti dispreġattivi li għaddiet fuqha fuq Facebook. Għaldaqstant Latizia Micallef ġiet ordnata tagħti kumpens ta’ €2,000 lit-tabiba Victoria Bondin. Il-Qorti fis-sentenza tagħha tagħat piż kbir il-fatt li l-grupp li fih għamlet l-allegazzjoni Micallef kien fih 97,000.
Micallef ta’ 41 sena, ħassitha urtata li l-kelba tagħha kellha snienha maqlugħa kollha minħabba li kienu mħassrin. Il-malafama saret permezz ta’ kummenti miktuba bejn it-8 u l-14 ta’ Jannar 2021 u kien għalhekk li l-veterinarja fetħet kawża għad-danni kontra l-klijenta tagħha.
Il-kummenti kienu miktubin fuq is-sit “Are you being served? (Malta & Gozo) Original” u “Pets & Vets Veterinary Clinic”. Micallef qalet li l-veterinarja qalgħet snien il-kelba tagħha mingħajr il-kunsens tagħha u sostniet li se tibqa’ turi lid-dinja x’inhi.
Akkużataha li kienet irresponsabbli, li l-klinika tagħha tara biss il-flus u ma tiħux ħsieb sew tal-annimali. Qalet ukoll Dr Bondin m’għandhiex tiġi fdata u saħansitra ħeġġet lin-nies biex ma jmorrux għandha. Il-Maġistrat Montebello, qalet li mhux kompitu tagħha li tiddeċiedi jekk id-deċiżjoni tal-veterinarja li taqla’ snien il-kelba tal-mara li ħaditha biex tnaddfilha sninha kinitx tajba jew ġustifikata jew jekk kellhiex kunsens ta’ Dr Bondin.
Imma qalet li mill-provi jirriżulta li sid il-kelba għamlet appuntament għall-5 ta’ Jannar 2021 biex tieħu lill-kelba għat-tindif tas-snien. Irriżulta li s-snien tal-kelba kienu mħassrin tant li f’Novembru 2019 diġà kienu nqalgħulha xi snien u s-sid kienet ingħatat parir biex il-kelba jsirilha intervent kirurġiku.
Qabel l-operazzjoni sid il-kelba ntalbet tiffirma dikjarazzjoni li qed tagħti l-kunsens tagħha għat-tindif u dak li seta’ jġib miegħu, kif fil-fatt sar. Xehdet ukoll il-veterinarja Bondin li qalet li waqt l-operazzjoni nstab li snien il-kelba kienu mħassrin bl-għeruq jidhru tant li wħud bdew jinqalgħu waqt it-tindif u kien għalhekk li ddeċidiet li taqla’ snien il-kelba għax kieku ma sarx hekk il-kelba kienet tbati.
Mill-provi rriżulta wkoll li għalkemm sid il-kelba xtaqet tara s-snien, dawn intlaħqu intremew u li minħabba n-nuqqas ta’ snien, ilsien il-kelba spiċċa barra b’mod permanenti. Il-Qorti qalet li sid il-kelba ma ppruvatx li s-snien inqalgħu bla bżonn u waqt li sostniet li tifhem li s-sid kienet maħsuda u ddispjaċuta bl-operazzjoni u kienet qed titħassar il-kelba, qalet li ma taqbilx li żżeblaħ lill-veterinarja u tgħajjarha rresponsabbli, inkompetenti u mhux f’sensiha.
Il-Maġistrat Montebello żiedet li bl-istqarrija miktuba minn Micallef il-qarrej ordinarju jifhem li Dr Bondin mhux kompetenti biex taħdem bħala veterinarju u għalhekk il-kummenti kienu ta’ ħsara għar-reputazzjoni professjonali tagħha.
Il-Qorti qalet li kif diġa ħadet l-isbriga f’diversi sentenzi preċedenti, illi l-jedd għal-libertà tal-espressjoni ma jista’ qatt jigi interpretat bħallikieku jagħti protezzjoni lil min jippubblika kif ġieb u laħaq fuq il-media soċjali li huwa aċċessibbli lil firxa wiesa’ ta’ qarrejja u aċċessibbli wkoll indefinittivament, akkużi li huma kapaci jew li jħassru r-reputazzjoni ta’ individwu mingħajr ma jwieżen u jgħarbel il-kummenti tieghu qabel ma jippubblikahom biex jara li dak li jkun qed jiġi ppubblikat huwa fattwalment korrett, ta’ lanqas fis-sostanza.
//= $special ?>