Knisja Lokali

L-Arċisqof se jordna 2 djakni ġodda nhar is-Sibt

L-ordinazzjoni se ssir waqt quddiesa fil-Kon-Katidral ta' San Ġwann fid-9.30am.

L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna se jordna żewġ djakni ġodda nhar is‑Sibt li ġej, 22 ta’ April 2023 f’quddiesa li se ssir fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fid-9.30am.

Dawn huma s-seminaristi Karl Andrew Schembri mill-Parroċċa ta’ Marija Bambina, il-Mellieħa, kif ukoll Malcolm John Saliba, mill-Parroċċa ta’ Santa Marija, f’Ħ’Attard.

Permezz ta’ din l‑ordinazzjoni, id‑djakni l‑ġodda jsiru xebh ma’ Ġesù Kristu li ried ikun ‘djaknu’, jiġifieri qaddej ta’ kulħadd.

Id‑djaknu jiddedika ħajtu għall‑qadi bl‑imħabba fis‑servizz tiegħu lejn il‑poplu, jassisti lill‑isqof u lis‑saċerdoti fiċ‑ċelebrazzjoni tal‑misteri qaddisa, l‑aktar tal‑Ewkaristija, jamministra s‑sagrament tal‑magħmudija, jassisti għaż‑żwieġ u jbierku, ixandar l‑Evanġelju u jipprietkah, u jmexxi t-talb tal‑funerali.

L-Insara huma mħeġġa jattendu għal din l-ordinazzjoni jew isegwu x-xandira fuq Knisja.mt.