Lokali Qorti

Mara mixlija li daħlet fil-faċċata ta’ ħanut bil-karozza tiddeċiedi li tammetti

Mara mill-Ħamrun ta’ 35 sena ingħatat il-ħelsien mill-arrest, sakemm tingħata s-sentenza, wara li issa ddeċidiet li tammetti akkużi li baqgħet dieħla b’karozza Mercedes fil-faċċata ta’ ħanut tal-ħelu waqt li kienet fis-sakra. Meta tressqet il-Qorti, fl-10 ta’ April, Sonia Sammut kienet wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontriha.

Hija kienet ġiet mixlija li intenzjonalment ħabtet bil-Mercedes għal fuq ‘confectionary’, li kienet qed issuq fis-sakra u mingħajr liċenzja jew polza tal-assigurazzjoni, u li kissret is-shutter tal-ħanut. Sammut, omm ta’ erbat itfal u li hija bla xogħol, kienet qed tipprova ttajjar lil wieħed mill-impjegati tal-ħanut, li magħha kien involut f’tilwima dwar il-kera u kienet insulentatu. Hi kienet mixlija wkoll li saret riċediva.

Irriżulta wkoll li żewġ impjegati kienu qed jaħdmu ġewwa l-ħanut fejn dak il-ħin,kien qed jgħoddu l-flus mill-bejgħ tal-ġurnata. Il-Pulizija kienu ġabru wkoll filmati tas-CCTV li juru lill-mara qed issuq lejn il-faċċata tal-ħanut, qabel ma rriversjat lura u reġgħet ħabtet fih.

Meta kompla l-każ quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, l-avukat tagħha Jose Herrera, informa lill-Qorti li l-mara xtaqet tammetti l-akkużi. L-Avukat Josè Herrera li qed jidher għaliha ssuġġerixxa sentenza sospiża fis-sottomissjonijiet tiegħu dwar il-piena.

Il-Qorti sadanittant tat il-ħelsien mill-arrest lil Sammut sakemm jitlesta rapport ta’ espert dwar id-danni li kkawżat. Bħala parti mill-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, Sammut ġiet ordnata tiffirma l-Għassa tal-Ħamrun tliet darbiet fil-ġimgħa u hija pprojbita milli tavviċina l-vittmi. Il-Qorti ssuġġettat ukoll lill-mara għal ordni ta’ protezzjoni favur il-vittmi.