Internazzjonali

SpaceX:  Jisplodi s-Starship ta’ Elon Musk ftit wara t-tlugħ minn Texas

L-akbar rokit li qatt inbena għall-esplorazzjoni spazjali sploda ftit minuti wara li telaq mill-bażi tiegħu f’Texas, fejn kien segwit mill-istaff tal-Korporazzjoni SpaceX.

Jidher li l-isplużjoni seħħet wara li falla wieħed mill-boosters tas-Starship li ma kellux fuqu ekwipaġġ u li kien qed jintuża bħala parti minn prova.

Fil-fatt, l-imprenditur ta’ SpaceX,  Elon Musk, faħħar lill-istaff tal-Korporazzjoni għat-test launch u ikkonferma li għandha ssir prova simili sa ftit xhur oħra.

Hu intiż biex mudell simili tar-rokit,’il quddiem, idur mal-orbita tad-dinja fost it-tamiet għal kapitlu ġdid għall-missjonijiet fl-ispazju. Fil-fatt, hu ittamat fil-futur naraw era ġdida ta’ vjaġġi bejn pjaneta u oħra skont il-ħolma ta’ Musk, li kien waqqaf is-Space Exploration Technologies Corporation jew SpaceX fl-2002.

It-tlugħ tar-rokit seta jsir wara li l-‘launch’ ippjanat għal nhar it-Tnejn spiċċa pospost minħabba valve iffriżat fl-inġenju. U anki sigħat qabel it-tlugħ tallum kien hemm waqtiet ta’ tensjoni, bit-tlugħ jinżamm għal ftit qabel ingħatat l-aħħar direttiva għall-bidu tal-missjoni.

Il-Korporazzjoni SpaceX, ibbażata f’Hawthorne, fl-Istat Amerikan ta’ Kalifornja, timmanifattura l-inġenji għall-missjonijet fl-ispazju waqt li tispeċjalizza wkoll fil-komunikazzjonijiet bis-satellita.