Lokali

Tħassib serju fost l-infermieri u l-ħaddiema tal-Air Malta

Il-Ministru Miriam Dalli tibqa’ tiddefendi l-aġir ta’ Konrad Mizzi

Bħalissa kif jinsabu l-affarijiet, in-negozjati mal-Gvern huma weqfin…u għalissa m’hemmx garanzija li se jkomplu.

Sostna dan ma’ Net News il-President tal-MUMN Paul Pace wara li matul il-jum tat-Tlieta 97% tal-membri tal-Union ivvotaw kontra l-ftehim propost għalihom mill-Gvern – pakkett li fost oħrajn kien ifisser li s-sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa kienu se jiżdidulhom għal kważi sittin siegħa mingħajr jum off, għajr għal ġurnata rest ta’ bilfors.

Huwa sostna li l-MUMN bagħtet ittra lill-Gvern fejn infurmatu li se tkun qed tagħtih ġimgħa ċans sabiex jerġgħu jibdew in-negozjati.

Madanakollu, skont id-Deputat Laburista Malcolm Paul Aguis Galea…. n-negozjati għadhom għaddejjin.

Id-deputat Laburista qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.

Matul din il-konferenza ironikament intqal li l-Partit Laburista huwa l-partit tal-investiment u x-xogħol. Diskors li intqal fl-istess ġimgħa li ġie mħabbar li l-Air Malta se tkun qed tagħlaq il-bibien tagħha sal-aħħar tas-sena – konferma li waslet mill-Kap Eżekuttiv tal-istess Air Malta David Curmi.

Net News staqsa lill-Ministru Miriam Dalli x’wassal mill-kliem tal-eks Ministru Konrad Mizzi li kien qed joħlom li jara l-Air Malta jtir minn Mumbai u New York…għall-għeluq tal-kumpanija. Iżda minflok wieġbet …. hija infexxet tattakka lill-Partit Nazzjonalista.

U filwaqt li l-poplu ma jafx x’se jkun qed isir mill-Air Malta bil-piż jinxteħet partikolarment fuq il-mijiet ta’ familji ta’ impjegati mal-linja tal-ajru, Net News staqsa lil Ministru Dalli għalfejn bl-aġir tagħha qed tkompli tiddefendi lil Konrad Mizzi…li tiegħu kienet konsulenta u li grazzi għal din il-konsulenza daħlet aktar minn €33,500.