Ambjent Lokali Saħħa

Theddida serja għall-mod kif suppost qed jitħarsu l-annimali u d-drittijiet tagħhom f’pajjiżna

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-protezzjoni u l-ħarsien tal-annimali f'Malta

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-ħarsien tal-annimali mhux qed jingħata l-attenzjoni mistħoqqa f’pajjiżna. Dan qed inkomplu narawh regolarment fid-diversi każi li seħħew fl-aħħar xhur, partikolarment dak li seħħ ftit tal-jiem ilu fl-Imsida.

Fi stqarrija tal-Kelliema għall-Ambjent, il-Ħolqien ta’ Spazji Ġodda u d-Drittijiet tal-Annimali, Janice Chetcuti, il-Partit Nazzjonalista ngħaqad mal-inkwiet tal-pubbliku għat-tkaxkir tas-saqajn, fosthom anke fejn tidħol il-leġislazzjoni. Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista ilu jitlob li jkun ffinalizzati liġijiet li ilhom snin imwegħda mill-Gvern Laburista.

Dawn jinkludu l-Liġi dwar il-Breeding, li għandha tara li s-sidien ikunu responsabbli meta jagħżlu li jkattru lill-annimali tagħhom, kif ukoll dik tal-pet sitters, li għandu jkollhom regoli li jimxu magħhom meta jagħtu servizz li jżommu annimali għandhom meta l-familja tagħhom tkun indisposta. Hemm ukoll dik taz-zoo regulations biex jinqata’ kull tip ta’ abbuż fuq annimali li diġà ġew impurtati f’pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li għandu jsir aktar infurzar regolari skont il-liġijiet eżistenti għax ikun inutli li jiddaħħlu liġijiet ġodda jekk dawn ma jkunux infurzati, bħalma qed jiġri b’mod konsistenti fil-Liġi li tirregola l-microchipping f’pajjiżna.

Minn risposti għall-Mistoqsijiet Parlamentari li qed isiru f’dan ir-rigward irriżulta li l-iċċekjar għal microchipping qed isir biss meta jkun hemm rapporti. Dan ma jagħmilx sens, hekk kif il-Partit Nazzjonalista jħoss li għandu jkun hemm uffiċjali li kontinwament jaraw li l-klieb ikunu chipped, anke bi spotchecks, biex jinqata’ l-abbuż u jibda jintwera l-valur veru ta’ din il-liġi.

Hu ta’ tħassib ukoll kif is-santwarji huma mifnijin b’ammonti kbar ta’ klieb li qed ikunu abbandunati, kif ukoll il-voluntieri li ma jifilħux aktar għal dan l-influss kbir ta’ klieb.

Il-Partit Nazzjonalista jħoss li għandha tintrefa’ r-responsabbiltà għal dawn in-nuqqasijiet kbar fid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, mhux biss mid-Direttur tad-Direttorat, iżda aktar minn hekk mill-Ministru u s-Segretarju Parlamentari li huma politikament responsabbli minn dan id-Direttorat. Dan anke meta l-ħaddiema fid-Direttorat huma ftit wisq, mhux imħarrġin biżżejjed u mhux atrezzati kif meħtieġ biex ikunu jistgħu jagħmlu xogħolhom.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li s-soluzzjonijiet biex l-annimali jgħixu ahjar u jkunu rispettati qeghdin hemm, iżda l-Gvern donnu ma jridx jisma’ mill-Partit Nazzjonalista u minn dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-annimali.