Internazzjonali

Franza: Il-protesti kontinwi mistennija jaffettwaw l-influss tat-turisti

Il-Kap Eżekuttiv tal-linja tal-ajru Easyjet wissa lill-Gvern Franċiż biex jindirizza l-kriżi tal-azzjonijiet industrijali fil-pajjiż qabel it-turisti ‘jibdew jinjoraw lil Franza bħala destinazzjoni u jitilqu lejn bnadi oħra’.

Johan Lundgren qal, waqt intervista li saritlu fl-ajruport ta’ Orly, f’Pariġi, li l-moviment soċjali fi Franza ħalla konsegwenzi koroh għal 10 miljun turist. Dan meta kull ġurnata tas-strajks qed taffettwa medja ta’ 64,000 passiġġier (kuljum) f’sitwazzjoni li Lundgren fisser bħala ‘inaċċettabbli’.

Is-settur tal-ivvjaġġar fi Franza intlaqat ħażin mill-azzjonijiet tal-ħaddiema Franċiżi li qed jipprotestaw dwar iż-żieda fl-età tal-irtirar. Fil-protesti ssieħbu anki l-ħaddiema tal-linji tal-ajru u l-istaff għall-kontroll tat-traffiku tal-ajru, bl-azzjonijiet joħolqu l-posponimenti kontinwi tat-titjiriet u inkonvenjent kbir għat-turisti u passiġġiera oħra.

Dan ukoll meta l-awtorità għall-avvjazzjoni ċivili fi Franza wissiet lil-linji tal-ajru biex iħassru sa 30 fil-mija tat-titjiriet skedati minn xi ajruporti waqt il-ġranet tal-istrajks.