George Degiorgio, wieħed miż-żewġt aħwa li ġew ikkundannati 40 sena ħabs kull wieħed wara li ammettew li qatlu lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, qal fil-Qorti li kienu ammettew biss biex jevitaw l-għażla l-oħra, li s-sentenza tkun dik ta’ għmor il-ħabs.
L-aħwa Degiorgio kienu ġew ikkundannati 40 sena ħabs f’Novembru 2022, wara li wieġbu ħatja tal-qtil fil-bidu tal-proċess tagħhom hekk kif kien se jibda l-ġuri, bil-ġurija diġa’ preżenti fl-awla. Iżda f’inqas minn ġimagħtejn wara l-ammissjoni tagħhom, huma ressqu rikors ta’ appell, u talbu biex il-każ jerġa’ jinstema mill-ġdid kif ukoll fetħu kawża Kostituzzjonali, fejn qed isostnu li d-drittijiet tagħhom għal proċess ġust kien inkiser minħabba li kienu rrappreżentati minn avukati tal-għajnuna legali, li kienu “imqabbad mill- Stat”, wara li l-Prim Ministru kien iddeskrivihom bħala kriminali.
L-Avukati tal-għajnuna legali kienu ġew ipprovduti mill-Istat wara li l-avukat preċedenti tagħhom ma riedx ikompli jidher għal għalihom wara li waqt podcast l-aħwa ammettew li qatlu lil Caruana Galizia, u ddeskrivew dan kollu bħala suċċess u li għalihom kien “business as usual”.
George Degiorgio xehed l-Ġimgħa hekk kif il-każ Kostituzzjonali kompla quddiem l-Imħallef Audrey Demicoli. Degiorgio beda billi qal li ried jikkonferma dak kollu li kien xehed ħuh f’seduta preċedenti. Imbagħad qal: “Irrid inżid xi ħaġa żgħira, dwar il-ġuri.” L-imħallef hawn tagħtu permess.
“Il-ġuri kienet skedat għall-4 ta’ Ottubru 2022. Ġiet ikkanċellata minħabba li ħija Alfred kien fuq strajk tal-ġuħ u kien spiċċa l-isptar. L-avukat tal-għajnuna legali Simon Micallef Stafrace, qalilna li ma kienx lest biex jibdih.” Fil-fatt il-ġuri ma sarx fl-4 ta’ Ottubru, minflok ġiet skedat mill-ġdid biex jibda fl-14 ta’ Ottubru, hu żied jgħid.
“Fl-14 ta’ Ottubru, għall-ħabta tas-6:30am, dak in-nhar tal-ġuri, qomt b’ħoss mhux tas-soltu fid-diviżjoni tal-ħabs u rajthom iġorru lil ħija barra miċ-ċella tiegħu, ipoġġuh fuq stretcher u ħaduh.” Spjega li hu u ħuh kienu f’ċelel faċċata ta’ xulxin.
Ra lil ħuh fuq siġġu tar-roti ftit qabel ittieħdu fl-awla
“Wasalt fil-lockup tal-Qorti. Imbagħad bejn 15 u 20 minuta wara wasal ħija. Kien f’siġġu tar-roti. Kont bdejt nitkellem miegħu imma ma kienx qed iwieġeb. Għidt lill-gwardjani ‘dan hekk se jitressaq il-Qorti ħija?’” Qal li l-avukat tal-għajnuna legali Simon Micallef Stafrace informah li se jkun qed jiddetta nota verbali oħra biex jinforma lill-Imħallef li għadu mhux lest jiddefendi dan il-proċess. “Hekk għamel u mbagħad qalli, ejja naraw x’se jiġri.” “Imbagħad, Edwina, l-imħallef Edwina Grima, qaltli li kienet se tibda xorta waħda. Tant kont ixxukkjat li ma stajt nisma’ xejn aktar.”
Qal li wara ntgħażlu l-ġurati u l-Avukat Ġenerali għamel id-diskors introduttorju tiegħu, qabel il-ġuri ġie differit għall-ħin tal-ikel. “F’12:30pm niżel Micallef Stafrace jkellimni u qalli li ried ikompli. Jien għedtlu ‘tkompli? Għadek iddikjarajt li m’intix lest.’” “Qegħdin minn taħt,” allegatament wieġeb l-avukat.
Degiorgio qal li mbagħad l-avukat tiegħu kien qallu li f’dak il-punt kellu żewġ għażliet: li jitlef il-proċess u jeħel għomor il-ħabs, jew jammetti u jieħu sentenza mnaqqsa. “Għidtlu, ‘se jkolli nwieġeb għal ħija wkoll? Ħares lejh.” Degiorgio sostna li fis-sagħtejn ta’ wara pprova kemm-il darba jitkellem ma’ ħuh, li qal, ma kienx qed jirrispondi.
L-avukat Micallef Stafrace imbagħad kien irritorna min-negozjati li kellu mal-Avukat Ġenerali u informa lil Degiorgio li l-ftehim kien li għandu jservi 40 sena. “Baxxejt rasi u għedtlu biex imexxi għax qed iħossni għajjien.” Degiorgio qal li ħa d-deċiżjoni li jwieġeb ħati bl-għaġġla, mingħajr ħsieb u preparazzjoni.
“Ma kellix għażliet oħra.” Il-kawża se tkompli f’Mejju. L-Avukati Maurizio Cordina u Carina Bugeja Testa qed jirrappreżentaw lill-Avukat Ġenerali u lill-Avukat tal-Istat fil-proċeduri. L-avukati Leslie Cuschieri u Noel Bianco qegħdin jidhru għall-aħwa Degiorgio.
//= $special ?>