B’rebħa konvinċenti ta’ ta’ 4-0 fuq Żebbuġ, Gżira United aċċertaw mit-tielet post u għalhekk mill-kwalifikazzjoni għall-Europa Conference League. Dan kien ifisser ukoll li Żebbuġ Rangers wara staġun fl-ogħla diviżjoni, sfaw relegati għaċ-Challenge League hekk kif baqgħu punt taħt Santa Lucia minkejja li dawn tal-aħħar sfaw megħluba minn Mosta. Santa Lucia issa jridu jilagħbu play off kontra wieħed minn Żejtun jew Tarxien. Barra minn hekk, tliet timijiet, Hibernians, Balzan u Mosta spiċċaw bl-istess punti fir-raba’ post biex issa r-rebbieħ tal-FA Trophy jiddetermina jekk ikunx hemm il-ħtieġa ta’ decider bejn Balzan u Hibernians, li għandhom l-aħjar konfronti diretti. Mosta għandhom l-uniku ċans li jidħlu fl-Ewropa jekk jirbħu l-FA Trophy.
Balzan 2-1 Birkirkara
Balzan kisbu tliet punti li żammewlhom it-tamiet tal-Ewropa ħajjin, meta fit-Tony Bezzina stadium għelbu lil Birkirkara 2-1.
Balzan fteħu l-iskor wara kwarta logħob minn penalty mogħti minn Aleksa Adrejic bil-Karkariżi jagħmlu l-iskor indaqs fid-39 minuta permezz ta’ gowl ta’ Enzo Cabrera biex l-ewwel taqsima ntemmet fi draw ta’ 2-1.
Balzan skorjaw il-gowl tar-rebħa żewġ minuti mill-bidu tat-tieni taqsima permezz ta’ Matheus Nogureira li ta tliet punti importanti lit-tim immexxi minn Oliver Spiteri, li issa jistennew l-eżitu tal-FA Trophy biex ikunu jafu jilagħbux decider għar-raba’ post kontra Hibernians.
Gżira United 4-0 Żebbuġ Rangers
Gżira United ikkonsolidaw it-tielet post u aċċertaw minn post fl-Europa Conference League meta fis-Centenary Stadium għelbu faċilment lil Żebbuġ Rangers 4-0. Wara li l-ewwel taqsima ntemmet fi draw ta’ 0-0, il-Maroons fetħu l-iskor fit-48 minuta permezz tas-solitu Jefferson De Assis biex fl-64 minuta Macula għamel l-iskor 2-0. De Assis skorja t-tieni gowl tiegħu fis-67 minuta biex fid-79 minuta saħansitra għaqqad hat-trick personali u t-18-il gowl tiegħu dan l-istaġun.

Floriana 2-5 Hibernians
Bħal Balzan, Hibernians kisbu tliet punti li wkoll iżommulhom it-tama tal-Ewropa ħajja meta fil-Gozo Stadium għelbu lil Floriana bl-iskor kbir ta’ 5-2.
Hibernians fetħu vantaġġ doppju san-nofs siegħa logħob b’doppjetta ta’ Ferdinando Apap fid-9 u l-31 minuta. Jan Busuttil reġa’ daħħal lil Floriana fil-partita minn free kick dirett mill-isbaħ skorjat fit-42 minuta biex l-ewwel taqsima ntemmet 2-1 favur Tal-Pagun.
Għaddew biss ħames minuti mill-bidu tat-tieni taqsima u Hibernians għamluhom tlieta permezz ta’ gowl tal-midfielder Jake Grech biex l-istess Grech sitt minuti wara skorja r-raba’ gowl ta’ Hibernians u t-13-il wieħed tiegħu dan l-istaġun. Floriana skorjaw fil-85 minuta permezz ta’ Carlo Lonardelli iżda żewġ minuti biss wara Hibernians issiġillaw ir-rebħa b’gowl tas-sostitut Matthew Ellul.
Mosta 2-1 Santa Lucia
Mosta dawwru telfa f’rebħa kontra Santa Lucia meta fl-Istadium Nazzjonali għelbuhom 2-1. Kienu Santa Lucia li fetħu l-iskor wara 11-il minuta permezz tad-difensur Rodolfo Soares biex fl-40 minuta spiċċaw bi plejer inqas meta tkeċċa għalihom Thomas Tier.
Fid-49 minuta bdiet ir-rimonta ta’ Mosta b’gowl ta’ Micheal Okoh biex Zachary Brincat skorja l-gowl tar-rebħa fis-70 minuta.
Dan ir-riżultat ma biddel xejn mid-destin ta’ dawn iż-żewġ timijiet hekk kif Mosta xorta waħda jridu jirbħu l-FA Trophy biex jidħlu fl-Ewropa filwaqt li minkejja t-telfa, Santa Lucia xorta waħda se jkunu huma li jilagħbu l-play off hekk kif Żebbuġ huma relegati.
