Lokali

“Il-ħaddiema huma s-sinsla ta’ kull kumpanija” – Bernard Grech

Il-ħaddiema huma s-sinsla ta’ kull kumpanija li flimkien mat-tmexxija… jaħdmu u jistinkaw sabix ikabbru l-operat tagħhom u jagħtu l-aqwa servizz lill-klijenti.  

Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta l-Ġimgħa filgħodu għamel żjara fl-Uffiċini tan-National Lottery li tagħmel parti mill-Izi Group.

Mal-wasla tiegħu huwa ntlaqa’ miċ-Chief Commercial Officer tal-Izi Group Franco De Gabriele u mid-Direttur tal-Marketing u l-Komunikazzjoni Caroline Attard. Aktar tard kellu l-okkażjoni  li jiltaqa’ wkoll mal-Kap Eżekuttiv Johann Schembri, kif ukoll maċ-Chief Operating Officer tan-National Lottery Joseph Bonanno.

Kienu bosta l-ħaddiema li tkellmu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista dwar il-ħidma tagħhom u dwar kif dan is-settur qiegħed dejjem jevolvi u jissaħħaħ sabiex jagħti l-aħjar servizz lill-klijenti tiegħu u l-prodotti li joffru jkunu iktar aċċessibbli għal kulħadd.

Bernard Grech tenna l-impenn tiegħu li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ f’kunatt kontinwu ma’ dawn il-kumpanija sabiex flimkien titfassal politika fl-aħjar interess għalihom.

Din il-kumpanija, hija waħda mill-kumpanija ewlenin tal-gaming li hawn f’pajjiżna li ilha topra għal diversi snin. Franco De Gabriele jispjega f’iktar dettall il-pjanijiet li għandhom għall-futur.

Għal din iż-żjara Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione, mid-Deputati Ivan Castillo u Jerome Caruana Cilia kif ukoll mill-President tal-Forum tal-SMEs tal-PN Julian Galea.