Lokali Qorti

18-il sena ħabs u multa ta’ €38,000 għal Sqalli li nstab ħati fuq pusses aggravat u assoċjazzjoni ta’ 25 kilo cannabis

Sqalli ta’ 45 sena ġie kundannat 18-il sena ħabs u mmultat €38,000 wara li nstab ħati b’sitt voti favur u tlieta kontra ta’ pusses aggravat u assoċjazzjoni ta’ 25 kilo cannabis fl-2018. Davide Bonanno, residenti Pembroke ma nstabx ħati ta’ mportazzjoni tal-imsemmija droga wkoll b’sitt voti favur u tlieta kontra. Is-sentenza ngħatat ftit wara s-7pm. minn ġuri li beda nhar it-Tnejn li għadda.

Espert imqabbad mill-Qorti kien ivvaluta d-droga fit-triq għal madwar €700,000 u li din kienet spiċċat f”garaxx tas-Sliema. Il-każ kien issolva mill-Pulizija permezz ta’ ‘controlled delivery’ fl-1 ta’ Ottubru ta’ ħames snin ilu. Wara deliberazzjoni ta’ ftit anqas minn tmien sigħat, il-Prim Ġurat qara l-verdett lill-Qorti preseduta mill-Imħallef Aaron Bugeja.

L-Avukat Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li s-sentenza għandha tkun minn 20 sena ‘l fuq kif tgħid il-liġ. Minn naħa tiegħu l-Avukat Difensur Simon Micallef Stafrace, qal li l-klijent tiegħu ma nstabx ħati tal-akkuża tal-importazzjoni tad-droga u għalhekk is-sentenza għandha tkun fil-minimu tagħha, dan ukoll għaliex il-verdett tal-ġurati kien lanqas wieħed li seta’ jingħata – sitta kontra tlieta.

L-Imħallef li beda l-indirizz tiegħu lill-ġurati l-Ħamis u kompla għal ftit tal-ħin il-Ġimgħa filgħodu bil-ġurati jidħlu jiddeliberaw fl-10.30am. biex jibdew jevalwaw il-provi fuq dak li semgħu minn diversi xhieda, fosthom l-akkużat inniffsu, li ddeċieda li jixhed, dritt li għamlu minn rajh għaliex kieku ried kellu l-fakultà li jibqa; sieket.

Id-droga kienet indikata bħala “Merce Alimentati” oġġetti tal-ikel u waslet minn Sqallija. L-akkuża tgħid li kien Bonanno li mar jistenna din il-merkanzija u kien hu stess li ffirma għaliha mal-wasla tagħha. Il-Pulizija Maltija kellha nformazzjoni li fi trailor, propjetà ta’ kumpanija bbażata fis-Siġġiewi, kien hemm id-droga.

Kuntistabbli tal-Pulizija kien rikeb fuq it-trakk jagħmilha ta’ ħaddiem ta’ kumpanija tat-trasport u kien kelb li kien xamm id-droga qabel ma din waslet tas-Sliema. Hemm qed tgħid il-Pulizija l-akkużat kien qed jistenniha tiġi trasportata u nqabad kiesaħ u biered. L-Avukati Andrea Zammit u Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mexxew il-prosekuzzjoni.