Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Rishi Sunak aċċetta r-riżenja mill-Gvern tal-Viċi-Prim Ministru Britanniku, Domninic Raab, wara li rapport issostanzja allegazzjonijiet ta’ bullying u ‘aġir intimidanti’ minn Raab fil-konfront tal-membri tal-istaff tiegħu.
Ir-rapport ippubblikat qal ukoll li Dominic Raab aġixxa b’mod insolenti u aggressiv waqt il-laqgħat tax-xogħol, b’Sunak, wara, jikkummenta li kellu jaċċetta r-riżenja tal-Viċi tiegħu ‘b’sens ta’ niket’. Intant, Sunak anki radd ġieh lil Raab għall-kapaċitajiet li wera bħala membru ta’ dan il-Gvern kif ukoll bħala protagonista tal-Gvernijiet konservattivi preċedenti.
Filwaqt li kien qed jitħejja r-rapport, Dominic Raab tkellem b’mod ċar dwar is-sitwazzjoni tiegħu fejn wiegħed li kien lest biex jirriżenja f’każ li kellhom jinstabu provi ta’ bullying. U fl-aħħar sigħat hu tenna li kull Ministru għandu jaqdi r-rwol tiegħu b’sens ta’ responsabbiltà u rispett lejn il-poplu – minbarra li enfasizza l-importanza li Ministru jżomm kelmtu u ma jinjorax iċ-ċirkustanzi li jista’ jispiċċa fihom qisu xejn mhu xejn.
Allegazzjonijiet relatati anki mar-rwoli preċedenti ta’ Raab
Madankollu, Raab wissa wkoll li r-riżultati tar-rapport qed jistabbilixxu ‘preċedent perikoluż għall-kondotta ta’ Gvern effiċjenti’ waqt li saħaq li r-rapport issostanzja tnejn biss fost diversi allegazzjonijiet ta’ bullying fil-konfront tiegħu. L-akkużi fil-konfront ta’ Raab tressqu minn diversi uffiċjali maċ-ċivil u kienu investigati mill-Avukat Ewlieni Adam Tolley.
Ir-rapport, fl-istess ħin, evalwa l-ilmenti li saru meta Raab kien qed iservi bħala Ministru għall-Ġustizzja u jiżvela li hu kien ikkritika b’mod eżaġerat u ‘bl-iskop li jintimida’ lill-uffiċjali ta’ miegħu waqt it-tfassil ta’ politika.
Issemmiet anki l-kondotta ta’ Dominic Raab fi żmienu bħala Segretarju għall-Affarijiet Barranin (bejn l-2019 u l-2021) u fejn jingħad li ‘hu aġixxa bil-ħsieb li jintimida lil ta’ madwaru fost kondotta aggressiva persistenti fil-kuntest tal- laqgħat tax-xogħol’. Ir-rapport iżid li l-azzjonjiet ta’ Raab, fl-istess ħin, kienu jinvolvu abbuż ta’ poter b’mod li ħalla lill-persuni umiljati minbarra li tellef mill-kapaċitajiet tal-istaff biex jaqdu l-funzjonijiet tagħhom’.
//= $special ?>