Internazzjonali

Ir-Russja: Iċ-ċivili f’Belgorod ibbumbardjati minn ajruplan ta’ pajjiżhom

Ajruplan militari tar-Russja ibbumbardja bi żball il-belt ta’ Belgorod li tinsab xi 40 kilometru biss ‘il bogħod mill-fruntiera mal-Ukrajna.

Jidher li l-bumbardament kellu jikkonċentra fuq xi siti speċifiċi fl-Ukrajna bħala parti mill-gwerra li ilha minn Frar tas-sena l-oħra — bl-ewwel rapporti minn Belgorod jikkonfermaw ‘diversi midruba’ u ħsarat fil-bini.

Il-bomba li twaddbet fuq Belgorod mill-ajruplan tat-tip Sukhoi-34 ( fighter jet) ħalliet ħofra ta’ 20 metru fl-art u kaġunat splużjoni tant qawwija li litteralment ‘tajjret’ karozza għal fuq is-saqaf ta’ supermarket f’dik iz-zona.

Dritt wara l-inċident, l-awtoritajiet f’Belgorod ordnaw l-evakwazzjoni tar-residenti ta’ blokk ta’ appartamenti bħala prekawzjoni.

L-inċident qed jitqies ukoll bħala embarazzanti għat-Tmexxija militari tar-Russja, bil-Ministeru tad-Difiża f’Moska joħroġ stqarrija fejn jammetti li ‘wieħed mill-fighter-bombers tiegħu waddab il-bomba fuq post mhux intenzjonat ( b’referenza għal Belgorod).’