Internazzjonali

Is-Sudan: Arja ta’ gwerra kontinwa, bil-moskej f’Khartoum jibqgħu vojta waqt il-festa għall-Musulmani

Ma wasslu mkien l-isforzi tal-komunità internazzjonali – fosthom l-Istati Uniti u n-Nazzjonijiet Uniti — biex il-gruppi tal-ġelledin rivali jieqfu mill-battalji li għalqu ġimgħa f’Khartoum u l-madwar tal-kapitali Sudaniża. Dan meta l-ġlied bejn l-Armata tas-Sudan u l-milizzji paramilitari li jridu ‘jirriformaw’ it-tmexxija militari tal-pajjiż issa rriżulta f’aktar minn 400 mejtin u mijiet oħra ta’ midruba.

Sadanittant – u minbarra l-preżenza konsistenti ta’ suldati, tankijiet tal-gwerra u ġellieda rivali – Khartoum sare jixbaħ belt tal-erwieħ fi żmien meta suppost qed isiru ċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa Eid al-Fitr għall-Musulmani.

Fl-aħħar sigħat ma qatgħux il-bumbardamenti u l-isparar f’Khartoum, bir-residenti fil-kapitali u l-belt ta’ Omdurman qegħdin jgħixu fi stat ta’ xokk u rabja, fost il-qtil konsistenti ta’ ċivili li qed jinqabdu fl-eqqel tal-battalji.

Il-festa ta’ Eid timmarka t-tmiem tax-xahar tar-Ramadan karatterizzat bis-sawm għall-Musulmani u fis-snin preċedenti, il-familji Sudaniżi kienu jiċċelebrawha flimkien fost l-ikliet u avvenimenti oħra, inklużi sessjonijet ta’ talb fil-moskej.

Iżda ċ-ċirkustanzi attwali f’Khartoum u Omdurman ma jistgħux ikunu aktar differenti, bil-moskej jispiċċaw litteralment vojta waqt li r-residenti jinsabu għall-kenn fi djarhom bi ftit qed jissugraw li joħorġu – anki għall-affarijiet essenzjali.

Dan ukoll meta, ‘il quddiem, mistenni eżodu akbar ta’ residenti minn Khartoum li mistenni jibqa’ bħala zona ta’ gwerra għat-tul taż-żmien.