Lokali Qorti

Jammetti li għamel ħerba fi flat fejn kien joqgħod mat-tfajla tiegħu ta’ 15 u ma’ ommha

Żagħżugħ ta’ 27 sena mill-Gżira ammetta li għamel ħerba ġewwa flat fejn kien joqgħod mat-tfajla tiegħu taħt l-età u ma’ ommha u li huwa propjetà tagħhom. L-Ispettur Audrey Micallef ressqet lil John Junior Pace ta’ 27 sena mill-Gżira quddiem il-Maġistrat Abigail Critien, u akkużatu li volontarjament kkaġuna ħsarat f’numru ta’ oġġetti, fosthom fl-għamara, ġewwa l-appartament fejn kien joqgħod flimkien mat-tfajla tiegħu u ommha.

Huwa ġie mixli wkoll li għamel ħsara fuq mowbajl tat-tfajla tiegħu ta’ 15-il sena, kif ukoll li attakka, heddidha u insulentaha. Ġie akkużat li insulenta u heddew żewġ uffiċjali tal-Pulizija u li ma obdewx l-ordnijiet tagħhom, flimkien ma’ aktar akkużi dwar ksur tal-paċi pubblika, l-użu ta’ lingwaġġ oxxen fil-pubbliku waqt li huwa kien fis-sakra, u r-reċidiva.

Pace, li qal lill-Qorti li xogħolu hu bħala delivery driver, ammetta l-akkużi. Il-Qorti laqgħet talba tal-avukat difensur, l-avukat Charles Mercieca, biex jitfassal rapport ta’ qabel ma tingħata s-sentenza bl-akkużat jingħatra l-pleġġ fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €1,500.

Il-Qorti ordnat ukoll lir-raġel biex jiffirma darba fil-ġimgħa fl-għassa tal-Pulizija u josserva curfew. Inħarġu wkoll ordnijiet ta’ protezzjoni favur iż-żewġ nisa. Meta mistoqsi mild-deputat tal-Qorti biex jgħid l-indirizz tiegħu, għal skopijiet ta’ pleġġ, Pace qal lill-Qorti li kien tilef il-karta tal-identità u kien ilu 10 snin ma jollu passaport.

Il-Maġistrat talbet għall-liċenzja tas-sewqan tiegħu minflok, bl-imputat iwieġeb li lanqas din ma kellu. Dan wassal biex il-Qorti tistaqsih kif seta’ jaħdem bħala delivery driver mingħajr liċenzja tas-sewqan. F’dan il-punt intervjena l-avukat tiegħu, u qal lill-Qorti li Pace “fil-fatt ma jkunx hu li jsuq l-vann, iżda jgħin f’dak li għandu x’jaqsam ma rċevuti u “paper work” waqt il-kunsinni. Il-każ ġie differit għal Ġunju għas-sentenza.