Lokali

Jekk il-Gvern jibqa’ ma jagħmilx il-pjanijiet tiegħu sew, ibati l-poplu kollu – PN

Skont ċifri pubblikati mill-Eurostat u l-NSO, pajjiżna għandu rata tal-għoli tal-ħajja ogħla mill-medja fiz-Zona Ewro, b’disa’ pajjiżi oħrajn għandhom rata tal-għoli tal-ħajja anqas minn pajjiżna sal-aħħar ta’ Marzu li għadda.

Filwaqt li fi Frar 2022, l-għoli tal-ħajja kienet fil-livell ta’ 4.2%, fi Frar ta’ din is-sena dan tela’ għal 7%. Issa, skont l-aħħar stħarriġ, fix-xahar ta’ Marzu ir-rata telgħet għal 7.1%. meta fiz-Zona Ewro tinsab fil-livell ta’ 6.9%.

Lil hinn miċ-ċifri, il-Maltin u l-Għawdxin, b’mod partikolari dawk il-familji vulnerabbli, qed iħossu sew l-għoli tal-ħajja kull meta jmorru jixtru, bl-akbar żidiet ikunu fi prodotti essenzjali bħall-ikel.

Anke l-Ministru Cylde Caruna nnifsu ammetta li xirja li qabel kienet tiswa €220, illum saret tiswa €290, jiġifieri €70 aktar. Mhux ta’ b’xejn li l-mekkaniżmu tal-għajnuna kontra l-għoli tal-ħajja (COLA) qed juri li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja għas-sena d-dieħla s’issa telgħet għal €13 fil-ġimgħa, kif irrapportat illum it-Times of Malta.

Dan kollu qed iħalli għafsa kbira fuq id-disposable income tal-ħaddiema, b’dan il-fatt joħroġ ukoll minn analizi li għamlet KPMG, li propju wera li huma diversi dawk li qed jibqgħu lura minn ċerti attitivtajiet għax mhux qed ilaħħqu sal-aħħar ta’ kull xahar.

Billi Edward Scicluna, l-eks Ministru Laburista tal-Finanzi u issa Gvernatur tal-Bank Ċentrali, jgħid li r-rata għolja tal-ħajja hi “mostru”, ma naslu imkien. Hi r-responsabbiltà tal-Gvern li jieqaf iwaħħal f’ħaddieħor jew fis-sitwazzjoni intenazzjonali u jwaqqaf immedjatament il-ħela u t-tberbiq lil tal-qalba, fosthom tal-istess Gvernatur tal-Bank Ċentrali, u jara li dawn il-miljuni jintużaw biex jagħtu appoġġ lill-importaturi, lin-negozji ż-żgħar u lill-familji vulnerabbli.

Għall-Partit Nazzjonalista mhux aċċettabli li l-ftit jibqgħu jitħanżru, filwaqt li l-ħafna jibqgħu jbatu minn livell baxx ta’ għajxien. Għax il-Partit Nazzjonalista jemmen u hu impenjat biex joffri politika għall-ħafna u mhux għall-ftit biex kulħadd ħadd ma jibqa’ lura.

Dan kollu ħareġ fi stqarrija mid-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia u Albert Buttigieg.