Futbol Sport

L-ebda rebbieħ f’żewġ logħbiet li kienu biss formalità

(Ritratt: Joseph Galea)

Pietà Hotspurs 0-0 Sirens

Fl-ewwel partita fis-Centenary Stadium Pietà Hotspurs u Sirens spiċċaw fi draw ta’ 0-0.

Partita mingħajr interess u wisq aktar mingħajr azzjonijiet denji l-aktar jekk wieħed iqis li ma kien hemm ebda interess ta’ klassifika bi Pietà jirritornaw fic-Challenge League l-istaġun li ġej. L-aktar li marru vicin kienu Sirens permezz ta’ Ricardo Correa u Dregan Jackson fejn ftit li xejn impenjaw serjament lil Reeves Cini. Għal Pieta’ l-Armen Hovhannisyan kien l-uniku li ttanta jimpenja lil Matthew Grech. Il-partita kienet ikkontrollata mir-referee Stefan Pace.

Valletta 1-1 Marsaxlokk

Riżultat ġust li jirrefletti wkoll l-istaġun negattiv ta’ Valletta li għat-tielet staġun konsekuttiv ma kkwalifikawx għall-Ewropa.

B’Valletta fuq l-offensiva, fit-18-il minuta meritatament fertħu l-iskor. Foul ta’ Moracci fuq Pena’ Beltre’ fil-kaxxa bir-referee Slawomir Olucha saffar penalty għal Valletta. Mill-11-il metru kien Andrea Zammit li nkariga mill-penalty li għeleb lil Ruiz Gamoral għall uniku gowl tal-ewwel taqsima.

Biż-żewġ timijiet limitati fl-azzjonijiet, fl-uniku xutt denju tat-tieni taqsima, Marsaxlokk kisbu l-gowl tad-draw wara li fit-88 minuta kien Ayrton Attard li għeleb lil Formosa għal 1-1 u diżappunt għal Valletta li naqsu li jgħalqu l-istaġun b’rebħa li f’mumenti dehret possibbli.