Bennej li kkawża kommossjoni f’għassa tal-pulizija ġie mmultat wara li ammetta għal akkużi kriminali. L-Ispettur Antonello Magri akkuża lil Joseph Camilleri ta’ 49 sena miż-Żurrieq li matul il-lejla tad-19 ta’ April li għadda insulenta u hedded erba’ Pulizija f’Ħal Tarxien u fl-għassa ta’ Raħal Ġdid.
Camilleri, ġie mixli wkoll quddiem il-Maġistrat Abigail Critien li kienet qed isservi għall-ewwel darba bħala Maġistrat tal-Għassa, li nsulenta raġel ieħor u hedded żewġt irġiel oħra b”armi mhux xierqa’ li hija arma improvizzata, li tfisser oġġett li mhux suppost jintuża bħala arma.
Fil-Qorti ma ħarġu l-ebda dettalji oħra dwar l-inċident, hekk kif l-Ispettur tal-prosekuzzjoni u l-avukat difensur iddiskutew il-każ wara li tħallew jersqu lejn il-bank tal-Maġistrat. L-Avukat Martin Farrugia nħatar mill-Qorti biex jassisti lil Camilleri bħala avukat tal-għajnuna legali.
L-avukat informa lill-Qorti li l-klijent kien qed jammetti. L-Ispettur Magri ma insistix fuq sentenza ta’ ħabs, u ssuġġerixxa multa minflok, iżda talab ordni ta’ protezzjoni għar-raġel. Farrugia qabel mal-piena proposta, billi sostna li l-klijent tiegħu bħalissa qed isib saqajh waqt li jiġġieled il-vizzju tal-alkoħol.
Waqt li nnotat l-ammissjoni ta’ ħtija bħala waħda bikrija u semgħet is-sottomissjonijiet dwar il-piena, il-Qorti sabet lil Camilleri ħati u mmultatu 900 ewro. Farrugia talab li l-imputat jitħalla jħallas il-multa f’pagamenti ta’ kull xahar, peress li dan l-aħħar kien waqaf jaħdem minħabba kundizzjoni f’għajnejh. Il-ħati tħalla jħallas il-multa f’pagamenti ta’ 100 ewro kull xahar fuq perjodu ta’ disa’ xhur.
//= $special ?>