Futbol Sport

Premier League Ingliż: Arsenal isalvaw punt fl-aħħar minuti iżda tiżdied il-pressjoni fuqhom

(Ritratt: EPA)

Tkompli tikber il-pressjoni għal tim li kien qiegħed f’pożizzjoni tajba sa ftit partiti ilu, hekk kif Arsenal ġew miżmuma minn Southampton li jinsabu fid-19-il post bl-iskor finali jkun ta’ 3-3. Arsenal li bħalissa jinsabu fil-quċċatta tal-klassifika hekk kif jinsabu 4 punti fuq Manchester City, b’żewġ logħbiet iktar mic-Citizens.

Iż-żewġ timijiet ta’ fuq se jaffrontaw lil xulxin fil-26 t’April fl-Etihad Stadium, f’partita li tista torbot jew tħoll l-istaġuni taż-żewġ timijiet, kif ukoll tista tideċiedi minn se jkun inkurunat bħala ċ-Champion tal-Premier League.

Is-Saints fetħu l-iskor wara biss minuta logħob meta Carlos Alcaraz ikkapitalizza fuq żball banali tal-goalkeeper Ramsdale u ma ħasabiex darbtejn sabiex jixħet ġewwa.

Southampton irduppjaw l-iskor wara kwarta logħob b’din id-darba l-ex attakkant ta’ Arsenal Theo Walcott isib ix-xibka minn pass preċiż ta’ Carlos Alcaraz.

Arsenal irnexxielhom jirkupraw gowl lura 5 minuti wara l-gowl ta’ Walcott permezz tal-attakkant Brażiljan Gabriel Martinelli li minn kontrattakk brillanti ta’ Bukayo Saka kkonkluda fix-xibka b’konklużjoni mill-isbaħ.

B’hekk il-Gunners daħlu għal ħin tal-mistrieħ b’gowl minn taħt.

Fis-66 minuta d-difensur ċentrali Duje Caleta-Car kabbar id-distakk meta sab ix-xibka meta żmarka ruhu u b’daqqa ta’ras għeleb lil Ramsdale.

Ftit minuti qabel l-aħħar suffara Arsenal wetqu rimonta impressjonanti hekk kif skurjaw żewġ gowls f’temp ta’ ftit minuti hekk kif Martin Odegaard skurja gowl il-ġmiel tiegħu minn barra l-kaxxa sabiex inaqqas id-distakk filwaqt li Bukayo Saka kien l-awtur tal-gowl tad-draw hekk kif sab ix-xibka minn suġġeriment ta’ Nelson.