Lokali

Pulizija jgħidu li din hi biss “mossa ta’ diskriminazzjoni”

Id-deċiżjoni tal-Ministeru tal-Intern li jżid il-pagi lil grupp żgħir ħafna ta’ Pulizija ġabet magħha frustrazzjoni kbira fil-Korp, b’diversi uffiċjali li tkellmu ma’ Net News jistqarru li huma irrabjati għal din il-manuvra li ddaħħlet minn wara dahar kulħadd. Tant li ħafna uffiċjali qalulna li din hi biss “mossa ta’ diskriminazzjoni”.

Il-kwistjoni hija dwar żieda li se jagħti l-Gvern lill-uffiċjali ta’ Kontra l-Ħasil ta’ Flus, li jaħdmu fl-FCID. Bis-sorsi tagħna jindikaw li l-maġġoranza tagħhom se jingħataw żieda ta’ €800 fix-xahar.

L-akkuża ta’ diskriminazzjoni ġejja mill-fatt li mhux talli din iż-żieda ma ingħatatx lill-Pulizija kollha, talli li anke fl-FCID ġew diskriminati Pulizija minn oħrajn. Dan għaliex l-flus – li ħerġin direttament mill-Gvern – se jingħataw biss lit-Taqsima ta’ Kontra l-Ħasil ta’ flus.

Il-PN ilu xhur sħaħ jitkellem dwar is-sens ta’ demotivazzjoni li qed tiddomina fil-Korp tal-Pulizija, u din il-manuvra tal-Gvern ta’ Abela kompliet iżżid dan is-sentiment.

Il-Gvern ma qal xejn dwar dawn iż-żidiet u ma ħareġ ebda stqarrija.