Robert Abela għal xi raġuni ma jridx jew ma jistax inaddaf ismu u isem il-Partit Laburista.
Dan hekk kif meta l-Ħamis filgħaxija għat-tieni darba Net News staqsa lill-Prim Ministru Robert Abela jekk hux se jiftaħ libell fil-konfront tan-nutar Robert Aquilina wara li fil-pubblikazzjoni tiegħu tal-ktieb dwar l-iskandlu Pilatus spjega li l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg ipproteġiet lill-Antoniella Gauci hekk kif kemm missierha kif ukoll ħuha kienu klijenti kif ukoll kanvassers ta’ Robert Abela.
Aquilina ndika li dan possibilment seta’ kien fattur li wassal sabiex l-Avukat Ġenerali toħroġ din l-ordni msejħa nolle prosequi bil-għan li ma tmexxix bil-passi legali fil-konfront ta’ Gauci li dak iż-żmien kienet Risk Manager tal-Bank Pilatus.
Għaldaqstant Net News staqsa lil Abela dwar dan kollu bil-Prim Ministru jiċħad u jgħid li ma jara xejn ħażin fid-deċiżjoni ta’ Buttigieg..iżda jaħrab għal kollox milli jwieġeb dwar jekk hux se jiftaħ libell biex inaddaf ismu jew le.
Dan ifisser li Robert Abela, minkejja li qed jiċħad, mhux lest li jnaddaf ismu quddiem il-Qorti wara li l-pubblikazzjoni tan-Nutar Aquilina ċapsitu mal-iskandlu li lura fl-2017 waqqa’ l-Gvern tal-Labour.
U filwaqt li ma jridx inaddaf ismu, jidher li Abela mhux kommess jew jinsab b’idejh marbuta biex inaddaf saħansitra isem il-Partit Laburista li tiegħu huwa l-Mexxej. Dan hekk kif Net News staqsieh jekk hux qed jinvestiga internament id-dikjarazzjoni li għamlet Rosianne Cutajar meta qalet li kulħadd kien qed jitħanżer.
Issa għaddew il-ġimgħat…u sal-lum għadna ma nafux min kienu dawn il-kulħadd li qed jitħanżru bi flus il-poplu fi ħdan il-Labour b’Robert Abela donnu komdu li madwaru hemm min qiegħed jitħanżer.
//= $special ?>