Kummerċ Lokali

‘Sħuna u Tqarmeċ’ – spettaklu oriġinali dwar l-oriġini tal-ħobża Maltija

Kif bdiet il-ħobża tal-Malti?
X’hemm speċjali fil-ftira?
Fiex tidħol il-bewsa?
X’taħbat ix-xawwata? U x-xiklun?

Trid tweġiba? It-tweġibiet kollha tista ssibhom waqt l-ispettaklu ‘Sħuna u Tqarmeċ’ li se jittella’ fIl-Grand Master Suite, il-Hilton nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Mejju. Dan il-kunċert hija inizjattiva konġunta bejn Maypole u Kelma Kelma Nota Nota bis-sehem ta’ Ray Calleja, Daniel Cauchi u l-Big Band Brothers, u Michael Spagnol.

Permezz tal-mużika u tal-letteratura, il-ħobża Maltija se tkun qed titqiegħed fiċ-ċentru filwaqt li se tkun qed tingħata ħarsa lejn angoli differenti, b’doża ġmielha ta’ ċajt u umoriżmu. U tinkwetax. Wara xi tmenin minuta tisma’ fuq il-ħobż, m’aħniex se nibagħtuk id-dar bil-ġuħ. Il-biljett jinkludi kisra ħobż tal-Malti kif jafu jagħmlu tal-Maypole.

Kelma Kelma Nota Nota hu proġett li jlaqqa’ flimkien żewġ dinjiet: id-dinja tal-mużika tradizzjonali u kontemporanja bil-Malti u d-dinja tal-lingwa u l-letteratura Maltija. Dan il-kunċert għandu għan doppju. Qabel xejn, li niftakru f’kanzunetti, poeżiji, makkjetti u taqbiliet, li wħud minnhom donnhom intesew, u nerġgħu nagħtuhom il-ħajja fuq il-palk b’arranġamenti u b’laqtiet moderni.

It-tieni għan hu li nsawru kanzunetti u kitbiet ġodda biex inkomplu dan il-vjaġġ mużikali u letterarju li bdew ta’ qabilna. Dawn iż-żewġ aspetti, in-nostalġija u l-elementi ġodda, se narawhom jintisġu flimkien fil-5 ta’ Mejju f’serata kollha kemm hi dwar il-ħobż tal-Malti.

Biex tirriserva post kull ma wieħed għandu jagħmel hu li jżur il-link https://www.showshappening.com/Maypole/Shuna-u-Tqarmec