Futbol Sport

Sitt timijiet għadhom qed jipprovaw jilħqu t-tragward tagħhom fl-aħħar partita

(Azzjoni mill-partita tal-ewwel round bejn Gżira u Żebbuġ - Ritratt: Trevor Sollars)

L-erba’ logħbiet tal-lum huma l-logħbiet li għandhom sinifikat u li jistgħu jiddeterminaw id-destin tat-timijiet kollha involuti, ħlief għal Birkirkara u Floriana, b’tal-ewwel ikkonfermaw it-tieni post fil-klassifika fl-aħħar partita filwaqt li Floriana se jkunu spiċċaw staġun diżappuntanti f’nofs i-klassifika. Erba’ timijiet qed jissieltu għat-tielet u r-raba’ post filwaqt li Santa Lucia u Żebbuġ għal post fil-play off kontra dak it-tim li jispiċċa t-tielet fiċ-Challenge League. Minħabba r-relevanza tal-partiti kollha tal-lum, u li għalhekk kollha jridu jilagħbu fl-istess ħin fis-18:00, il-MFA iddeċidiet li ttella polza biex ikun iddeterminat f’liema stadiums se jintlagħbu dawn il-konfronti.

Floriana vs Hibernians | Illum, fis-18:00 fil-Gozo Stadium

Wieħed mill-istadiums se jkun il-Gozo Stadium li fih se tintlagħab il-logħba bejn Floriana u Hibernians. Minkejja li Floriana ilhom daqxejn li tilfu ċ-ċans li jidħlu fl-Ewropa, bħalissa għaddejjin mill-aqwa forma tagħhom fil-kampjonat, fejn minn erba’ logħbiet rebħu tlieta u ġew draw kontra Gudja. Staġun diżappuntanti għal Grrens li se jkunu spiċċaw f’nofs il-klassifika wara li l-istaġun li għadda kienu spiċċaw it-tieni, żewġ punti taħt iċ-champions ta’ dak l-istaġun Hibernians. Il-Pawlisti min-naħa tagħhom ukoll iddiżappuntaw dan l-istaġun u għalhekk iridu akkost ta’ kollox jirbħu dan il-konfront biex minn tal-inqas jassiguraw mir-raba’ post. L-inkonsistenza ta’ Hibernians kompliet fl-aħħar konfront fejn minkejja li kienu favoriti, kontra Sirens kellhom jikkuntentaw biss bi draw. Fl-ewwel round Hibernians għelbu lil Floriana 1-0 b’gowl ta’ Jake Grech ftit qabel il-mistrieħ.

Mosta vs Santa Lucia | Illum, fis-18:00 fl-Istadium Nazzjonali

Mosta, wieħed mis-semi finalisti tal-FA Trophy, kellhom kampjonat pożittiv għall-aħħar, wieħed mill-aħjar jekk mhux l-aħjar fl-istorja tal-klabb. Matul l-istaġun kollu, Mosta żammew il-konsistenza ma’ ta’ fuq matul il-kampjonat, u għajr għall-partita tal-ewwel round kontra Hibernians, li kienu tilfu 5-0, dejjem kellhom prestazzjonijiet tajba anke meta ma rebħux, fejn bi ftit aktar xorti l-Mostin setgħu anke jikkonfermaw kmieni dak li se jkunu qed jilagħbu għalih fl-aħħar ġurnata. Biċċa uġieħ ta’ ras li għandhom hija li għall-aħħar konfront tal-kampjonat se jkunu mingħajr Duane Bonnici u Jake Vassallo, bit-tnejn li huma jinsabu sospiżi. Mosta huwa wieħed minn tliet timijiet li għandhom 43 punt flimkien ma’ Hibernians u Balzan. L-avversarji, Santa Lucia, bi tragward differenti, dak li jsalvaw il-post bonus li ngħataw fil-Kampjonat Premier, billi jisforzaw play off kontra t-tim li jispiċċa fit-tielet post fiċ-Challenge League. Santa Lucia kienu relegati l-istaġun li għadda iżda xorta lagħbu fl-ogħla diviżjoni wara li Pembroke Athleta, li kienu promossi għall-Kampjonat Premier, talbu li ma’ jitilgħux. Wara li dehru ddestinati li jkunu relegati gimgħat ilu, is-Saints irnexxielhom jakkwistaw erba’ punti importanti, f’rebħa ta’ 1-0 kontra Valletta u draw ta’ 1-1 kontra ċ-champions Ħamrun Spartans. Lura f’Diċembru Mosta għelbu lil Santa Lucia 2-1.

Gżira United vs Żebbuġ Rangers | Illum, fis-18:00 fis-Centenary Stadium

Wara erba’ telfiet konsekuttivi, li kaġun tagħhom tilfu t-tieni post, Gżira fl-aħħar konfront kisbu rebħa importanti ta’ 2-0 kontra Balzan biex evitaw li jitiflu wkoll it-tilet post u issa għandhom 45 punt, żewġ punti fuq Hibernians, Balzan u Mosta. Rebħa għall-Maroons tikkonferma post fil-kompetizzjonijiet Ewropej, apparti li huma wkoll wieħed mis-semi finalisti fl-FA Trophy. Bla dubju Gżira jibdew favoriti kontra Żebbuġ u jekk il-prestazzjoni tkun bħal dik tal-aħħar logħba, m’għandu jkollhom l-ebda problema biex jiksbu l-punti massimi li għandhom bżonn biex għat-tielet staġun konsekuttiv jilagħbu f’kompetizzjoni Ewropea. Żebbuġ min-naħa l-oħra b’telfa jkunu relegati wara staġun fil-Kampjonat Premier hekk kif huma jinsabu punt taħt Santa Lucia. It-tim immexxi minn Brian Spiteri, li għall-aħħar konfront mhux se jkun fuq il-bank minħabba li tkeċċa kontra Mosta, se jkun ġej minn ħames telfiet konsekuttivi, bl-aħħar waħda ttelifhom it-12-il post fil-klassifika u cioe post fil-play off. Meta wieħed jikkonsidra l-qawwa tal-avversarji, huwa remot ħafna li Żebbuġ jiksbu tliet punti minn dan il-konfront, biż-Żebbuġin jittamaw li mqarr jieħdu punt li jisforza decider ma’ Santa Lucia jekk dawn tal-aħħar jitilfu wkoll kontra Mosta. Gżira għandhom sospiż lil Luis Riascos filwaqt li Żebbuġ, minbarra l-kowċ Brian Spiteri, għandhom sospiżi lill-goalkeeper Jamie Azzopardi u lil Wilker Rocha Santos. Gżira rebħu 2-0 fl-ewwel konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet.

Balzan vs Birkirkara | Illum, fis-18:00 fit-Tony Bezzina Stadium

Fl-aħħar u mhux l-inqas, il-ġirien Balzan u Birkirkara jilagħbu kontra xulxin f’partita li minnha għandhom x’jitilfu jew jirbħu biss Balzan. Bħal Hibernians u Mosta, Balzan jinsabu fir-raba’ post bi 43 punt iżda bl-akatar avversarju iebes u fil-forma bħalissa fil-kampjonat. Minbarra lil Birkirkara, fl-aħħar tliet partiti Balzan kellhom jaffrontaw timijiet mill-parti ta’ fuq tal-klassifika fejn tilfu kontra Ħamrun u Gżira filwaqt li għelbu lil Mosta. Birkirkara min-naħa l-oħra għandhom l-opportunità li jserrħu l-plejers regolari tagħhom minħabba li fost il-ġimgħa jridu jilagħbu kontra Mosta fis-semi finali tal-FA Trophy. L-Istripes fl-ewwel round ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.