Lokali

AĠĠORNATA: Tliet żgħażagħ arrestati wara raid ta’ droga f’Ħaż-Żabbar

Spezzjonijiet li saru lbieraħ filgħaxija f’numru ta’ postijiet f’Ħaż-Żabbar b’rabta ma’ droga, wasslu għall-arrest ta’ tliet persuni, żewġt irġiel u mara.

F’residenza fi Triq Santa Marija, il-Pulizija sabet diversi kapsoli bi droga suspettata kokaina, b’valur fit-triq ta’ madwar €8,000, kif ukoll borża b’sustanza suspettata ħaxixa tal-kannabis, lesta għat-traffikar. Minn din ir-residenza ġew arrestati raġel ta’ 25 sena u mara ta’ 20 sena.

Minn residenza oħra, fi Triq Santa Klara, ġie arrestat raġel ta’ 20 sena minn Wied il-Għajn wara li fil-post instab ammont ta’ pjanti tal-kannabis iżjed milli permessibbli mil-liġi u ammont ta’ ħaxixa tal-kannabis lesta għat-traffikar.

Saret ukoll tfittxija oħra fi stabbiliment fi Triq ix-Xgħajra fejn din irriżultat fin-negattiv.

It-tliet persuni qegħdin jinżammu fil-lock-up il-Floriana għal aktar stħarriġ u mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem illi ġejjin. L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

https://www.facebook.com/watch/?v=671946891402106